Il-COVID-19 żiedet l-interess minn investituri barranin fi programmi ta’ residenza

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, li taħt ir-responsabbiltà tiegħu fost l-oħrajn hemm l-Aġenzija Maltija għar-Residenza u Viża, iltaqa’ mal-bord il-ġdid tal-istess aġenzija fl-ewwel laqgħa formali tagħhom mill-ħatra uffiċjali.

Fl-indirizz tiegħu waqt il-ftuħ tal-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-aġenzija tat kontribut b’saħħtu lill-ekonomija ta’ pajjiżna tant li ħalliet ‘il fuq minn €23 miljun fil-Fond Konsolidat ta’ pajjiżna.

Huwa qal li l-ambizzjoni hi li nkomplu jiżdied r-ritmu tal-ħidma ta’ din l-aġenzija sabiex jitkabbar l-operat fi swieq oħra ġodda madwar id-dinja.

Is-Segretarju Parlamentari stqarr li din is-sena, l-aġenzija ġġenerat dħul ta’ iktar minn tliet darbiet dak li ġie ġġenerat fis-snin li għaddew, filwaqt li żiedet l-effiċjenza u ġie indirizzat anke l-backlog fl-applikazzjonijiet li ġew proċessati.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Charles Mizzi spjega kif fiż-żmien li ġej, il-viżjoni għat-tibdil fil-programm il-ġdida ta’ residenza se tiġi varata u l-qafas tiegħu ppreżentat. Is-Sur Mizzi qal li jħares ’il quddiem b’ottimiżmu fejn l-aġenzija tkompli ssaħħaħ ħidmietha u tibqa’ proattiva.

Min-naħa tagħha ċ-Chairperson tal-Bord il-ġdid Nadette Azzopardi tenniet kemm l-aġenzija qed tkompli tikber sena wara sena, fejn anki fakkret li ftit tal-ġimgħat ilu, l-uffiċini tal-Malta Residency Visa Agency ġew rilokati hekk kif estendiet l-operat tagħha.

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet ġie spjegat li l-Malta Residency Visa Agency tieħu ħsieb il-Programm ta’ Residenza b’Investiment. L-għan ta’ din l-aġenzija hu li toffri opportunità ta’ residenza permezz ta’ investiment f’pajjiżna, lill-individwi u familji li ġejjin minn pajjiżi terzi, li qed ifittxu pajjiż stabbli u sigur fejn joqogħdu, jibgħatu lit-tfal l-iskola u fejn jkabbru n-negozju tagħhom. Dan ukoll isir wara proċess rigoruż ta’ diliġenza.

Sa mill-bidu tat-tnedija tal-Aġenzija, daħlu 2,506 applikazzjonijiet, li minnhom ġew proċessati 72%. Sa issa nħarġu 743 ċertifikat ta’ residenza wara li ngħalaq il-proċess kollu u l-kumplament qed jiġu pproċessati wara li rċevew l-approvazzjoni fl-aħħar xhur.

L-Aġenzija responsabbli tagħmel moniteraġġ regolari ta’ kull applikazzjoni approvata u tirriserva d-dritt li tirrevoka l-permess ta’ residenza f’każ li l-applikanti ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji meħtieġa. It-total tal-kontribuzzjoni minn dan il-programm lejn il-Fond Konsolidat tal-Gvern laħqet it-€23.25 miljun. Fl-2019 waħedha ddaħħlu €9.6 miljun u din is-sena, sal-aħħar ta’ Ottubru, iċ-ċifra laħqet €5 miljun oħra.

Bħalissa l-Aġenzija qiegħda wkoll tirrevedi l-programm bil-għan li ttejjeb l-karatteristiċi u l-benefiċċji tiegħu biex tagħmlu aktar kompetittiv, waqt li fix-xhur li ġejjin se tkompli wkoll tiffoka fuq konsolidazzjoni tas-swieq li topera fihom, kif ukoll timraħ swieq ġodda bil-għan li tkabbar l-operat tagħha b’mod sostenibbli.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscar awgura l-ħidma t-tajba u pożittiva lill-membri tal-bord filwaqt li rringrazzjahom talli aċċettaw li joffru s-servizz tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend