Minkejja l-pandemija, il-kumpanija lokali Centrecom kabbret l-operat tagħha. Bħalissa din il-kumpanija li taħdem fis-settur tal-komunikazzjoni għandha madwar sitt mija u tmenin impjegat u qed tara li fis-sentejn li ġejjin se jkollha madwar elf impjegat. Dan meta sentejn ilu, din il-kumpanija kienet tħaddem mija ħamsa u tmenin impjegat.
Dan intqal mill-Kap Eżekuttiv tas-Centrecom Robert Spiteri waqt żjara li għamel fl-uffiċini tal-kumpanija lokali fil-Mosta, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ din il-kumpanija spjega kif din il-kumpanija ġiet iċċertifikata mill-organizazzjoni internazzjonali tal-istandardazzjoni, l-ISO, li rrikonixxiet il-fatt li toffri servizz ta’ eċċellenza.
Intqal ukoll li fis-sentejn li ġejjin se tkun qed tagħmel investiment sabiex tibda tagħmel servizz ta’ dokumenti ta’ ħlasijiet tas-salarji u diġitalizazzjoni ta’ dokumenti.
Qal kif, “Ġejna rikonnoxuti bl-ISO 9001:2015 biex inkomplu noffru servizz ta’ eċċelenza u qegħdin naraw li nkomplu nespandu wkoll f’areas differenti minn ta’ customer support. Jiġifieri dak li lumm ngħidulu back office, qed naraw li noffru servizz ta’ payroll services, digitilisation of documents, ipproċessar ta’ dokumenti u affarijiet relatati mal-back office.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Centrecom Robert Spiteri spjega kif f’din is-sena tal-pandemija, il-kumpanija rċeviet nofs miljun telefonata fuq in-numru wieħed wieħed wieħed, madwar ħamsin elf telefonata dwar il-vouchers tal-mitt ewro, tmint elef telefonata dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika u madwar tlieta u ħamsin elf telefonata dwar il-COVID Wage Supplement.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri semma’ kif din il-kumpanija minkejja din is-sena straordinarja, pajjiżna xorta waħda qed jikseb riżultati pożittivi. Qal kif xahar wara xahar qed jonqos il-qgħad u nnota kif pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
Dan apparti li l-Kummissjoni Ewropea bassret li fl-elfejn tnejn u għoxrin pajjiżna se jkollu l-ikbar tkabbir ekonomiku.
Innota wkoll kif 190 ħaddiem ta’ Centrecom ġejjin mis-settur turistiku, settur li filwaqt kawża tal-pandemija ħa daqqa l’ isfel madanakollu ħaddiema f’dan il-qasam sabu impjieg.
Qal li, “Dan huwa l-mod kif naħdmu, meta ngħidu tkabbir ekonomiku, m’huwiex biss numri. Ħarsu warajna taraw l-impjegati, għandek mijiet ta’ impjegati li jkun ifisser l-għixien tal-familji tagħhom. Għalhekk aħna nisħqu fuq it-tkabbir ekonomiku għaliex wara dawk in-numri hemm l-għixien tal-familji Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru Schembri laqa’ l-fatt li din il-kumpanija lokali għandha ħinijiet flessibbli u diversi ħaddiema nisa jaħdmu magħha.
Fil-fatt ħamsa u sittin fil-mija tal-impjegati huma nisa.