Għall-ewwel darba, pajjiżna permezz tal-Ministeru ghall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jorganizza konkors ta’ premji fis-settur tal-Edukazzjoni, Vokazzjonali u Taħriġ.
Dan qed isir bħala parti mill-ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali, organizzata mill-Kummissjoni Ewropea.
Dan il-konkors ta’ premji se jkun maqsum fuq tliet kategoriji, fejn se jkunu qed jippremjaw studenti, għalliema u dawk li taw taħriġ fuq ix-xogħol tul is-sena skolastika li għaddiet.
Qal li, “Ħa naraw eċċellenza fl-edukazzjoni, prattiċi innovattivi li jsiru, aħna nafu li dak li huwa vokazzjonali m’humiex biss l-għerf li jittieħed mill-istituzzjoni edukattiva imma anke l-esperjenza, ir-riċerka ta min isemmi wkoll u anke l-mod kif ngħallmu. jiġfieri aħna differenza għas-sistema akkademika tradizzjonali, it-tagħlim iseħħ fuq il-post tax-xogħol.”
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-premju kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici li qal kif dan il-premju li qed isir għall-ewwel darba se jipprovdi pjattaforma fejn il-prattika tajba, innovazzjoni u eċċellenza fl-edukazzjoni vokazzjonali. Il-Ministru Bonnici qal li dan il-Gvern jemmen kemm fis-settur akkademiku u anke fis-settur vokazzjonali, sabiex pajjiżna jkompli jissaħħaħ u javvanza.
Qal li, “Aħna nemmnu li fil-qasam edukattiv m’hemmx rotta waħda għas-suċċess. Aħna nemmnu li hemm waħda minn rotta waħda, hemm rotta akkademika, rotta vokazzjonali u kemm applikati u t-tnejn huma importanti.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Frank Fabri spjega kif it-toroq għat-tagħlim huma diversi u fakkar kif fil-passat kienu ngħalqu l-iskejjel tas-snajja iżda dan il-Gvern investa fl-edukazzjoni vokazzjonali.
Qal kif dan il-Gvern investa, b’Malta saret l-unika membru stat fl-Unjoni Ewropea fejn kull student jista’ jagħżel liema suġġett vokazzjonali li jrid, waqt li għandu l-istess saħħa ta’ dawk li jkomplu bis-suġġetti akkademiċi meqjusa tradizzjonali.
Wieħed jista’ jinnomina lil xi ħadd billi jibgħat email fuq mveta.mede@gov.mt sal-20 ta’ Novembru li ġej.