Notifiki

Jason Azzopardi b’kamra f’lukanda f’Tel Aviv imħallsa mill-grupp li kien ta’ Yorgen Fenech

Fl-2017 Jason Azzopardi mar il-Hilton ta’ Tel Aviv u ħallaslu l-kamra Tumas Group, il-Grupp ta’ Yorgen Fenech. Dan żvelatu l-gazzetta Illum li rrapportat kif numru ta’ stejjer fuq min siefer, kiel jew iltaqa’ ma’ dak akkużat bħala mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jistgħu jimbarazzaw ukoll persuni li qed jisfidaw u jisparaw bl-addoċċ fuq esponenti viċin Yorgen Fenech.

Dan hekk kif il-gazzetta kompliet tiżvela kif Jason Azzopardi mhux biss ma ddejjaqx juża s-servizzi ta’ Tumas Group imma b’mod regolari uża s-servizzi tal-lukanda Hilton b’xejn għax kellu kollox imħallas mill-istess Grupp.

Fost l-oħrajn, l-artiklu kompla jgħid kif Azzopardi għamel ħamest ijiem joqgħod fil-lukanda Hilton f’Tel Aviv bil-kamra mħallsa, bejn id-19 u l-24 ta’ Lulju tal-2017.

Il-gazzetta tkompli tgħid kif f’idejha għandha evidenza rrifjutabbli ta’ dan il-ħlas li minnu gawda d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

L-artiklu jinnota kif l-istess deputat ikkritika bl-aħrax lil Joe Cuschieri, Kap Eżekuttiv tal-MFSA talli kien aċċetta safra ma’ Yorgen Fenech biex imur Las Vegas. Liema safra saret f’Mejju tal-2018, filwaqt li dik ta’ Azzopardi f’Tel Aviv saret f’ Lulju tas-sena preċedenti.

Intant, il-Ħamis li għadda fi programm fuq l-istazzjon nazzjonali Jason Azzopardi kien mistoqsi b’mod preċiż jekk qattx ħa xi ħaġa mingħand is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda viżibilment mifxul u skomdu Jason Azzopardi qal li ma jiftakarx jekk qatt ħax xi ħaġa.

Meta kien mistoqsi: “Mill-grupp li huwa kien CEO int pereżempju qatt ma ħadt xejn mingħandhom pereżempju lil dawn, il-grupp?”

Azzopardi wieġeb: “Żgur mhux mingħand Yorgen Fenech.”

Meta reġa’ kien mistoqsi: “Le mill-grupp, qed nistaqsik qed inkun preċiż bħal Avukat jien, qatt ħadt xi ħaġa?”

Azzopardi sostna: “Ma niftakarx li qatt ħadt xi ħaġa.”

Il-Preżentatur tenna: “Qatt ma ħadt xi ħaġa.”

L-għada ONE News ukoll staqsa lid-deputat Nazzjonalista jekk qattx ingħata rigali mingħand Yorgen Fenech. Għal dawn il-mistoqsijiet pertinenti huwa għażel li jibqa’ sieket, filwaqt li tbissem u tenna l-kelma “Unbelievable”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend