ARA: It-Teatru Manoel jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu – One News

Notifiki

ARA: It-Teatru Manoel jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu

Wara xhur, il-palk tat-Teatru Manoel, it-teatru Nazzjonali, reġa’ ra l-ħajja hekk kif infetħu l-bibien tat-teatru mill-ġdid biex jilqa’ l-udjenzi għall-istpettakli differenti li dejjem joffri.

L-ewwel spettaklu tal-istaġun ġdid sar fit-23 ta’ Ottubru bil-wirja Roots, mill-kumpanija taż-żfin Moveo.

Tkellimna mad-Direttur Artistiku tat-Teatru Kenneth Zammit Tabona, li spjega li t-teatru huwa fiżikament preparat bl-aqwa mod biex jipproteġi l-udjenzi tiegħu. Spjega li għal dan l-istaġun, mitt persuna biss inkluż l-atturi jistgħu jkunu fit-teatru fl-istess ħin.

Huwa qalilna: “Ippreparajna programm apposta għall-Covid. Il-programmi mhux se jkunu ta’ aktar minn siegħa għaliex anke n-nies jiddejqu bil-maskra, allura m’hemmx lanqas intervalli, u huma kollha disinjati għal żmien il-Covid.”

Minkejja kollox, il-preparamenti li kienu diġà saru qabel l-istaġun xorta ma ntilfux.

Is-Sur Zammit Tabona sostna: “Il-programm li ħejjejna għall-2021 ġie trasferit kollu kemm hu u kif kien għal 2022 u għamilna programm għal żmien il-Covid li hu iżgħar imma biex ma nitilfux id-disa’ edizzjoni tal-Festival Barokk. L-opri li kellna pjanati ġew trasferiti b’sena, u dawk li se jsiru din is-sena huma iżgħar u bil-kantanti kollha Maltin.”

Zammit Tabona insista li għalkemm huwa żmien diffiċli għall-artisti kollha, huwa d-dmir ta’ dan it-teatru partikolari li jaħseb f’modi innovattivi biex iżomm l-arti u l-kultura ħajja fil-Gżejjer Maltin.

Huwa saħaq: “Qed ngħinu l-arti u l-kultura f’ Malta. Aħna it-Teatru Nazzjonali u hu d-dover tagħna li nagħmlu hekk.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend