B’investiment ta’ madwar ħames miljun ewro, se jsir rinovar f’binja li tinsab wara l-Qorti fi Triq id-Dejqa fil-Belt bil-għan li jiġi estiż il-bini tal-Qrati ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, spjega li f’din il-binja se jkun hemm erba’ awli ġodda mgħammra bl-aħħar teknoloġija.
L-istess binja se jkollha madwar ħamsa u għoxrin uffiċċju ġdid biex il-ħaddiema tal-Qorti jkollhom aktar kumdità u dinjità minn fejn jaħdmu.
Is-Segretarju Permanenti Johan Galea spjega l-ħsieb wara l-użu tal-awli l-ġodda.
Qal li, “Hemm awli li fihom se timxi l-Qorti tal-Familja kif ukoll ir-reġistru. Hawnhekk ukoll ħa naraw li koppji li għaddejjin minn proċeduri ta’ separazzjoni l-Qorti, allura hawnhekk qed insemmu koppji vulnerabbli, allura jinstemgħu f’awli hawnhekk li se jkunu attrezzati bl-aqwa u bl-aħjar sistemi diġitali biex ikunu jistgħu jindirizzaw lil min ikun għaddej bil-proċessi f’dawn l-awli.”
Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li dan l-investiment huwa ħolqa minn kullana ta’ proġetti li saru fl-aħħar xhur li jikkumplimentaw ix-xogħol li sar fil-binja tal-Avukat Ġenerali u l-uffiċini l-ġodda tal-Avukat tal-Istat li se jinfetħu fil-futur qrib.
Minbarra xogħol ta’ infrastruttura, saret ukoll ħidma bla preċedent fejn tidħol is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba, li ġiet rikonoxxuta u mfaħħra wkoll mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Venezja.
B’dan il-mod, il-Ministru spjega r-rabta tax-xogħol estetiku fuq il-bini, mal-effiċjenza fil-Qrati.
Spjega li, “Iktar awli biex naħdmu, iċ-ċittadin se jkollu aċċess aħjar għall-ġustizzja fi żmien raġjonevoli. Jiena dejjem nemmen li l-effiċjenza hija importanti biex nagħtu dinjità lill-ġudikanti, il-ħaddiema fil-Qrati tagħna jaħdmu aħjar però fl-aħħar mill-aħħar, ikollna ġustizzja aħjar u iktar effiċjenti għaċ-ċittadini tagħna.”
Il-pjanti f’dan il-proġett se jiġu sottometti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fil-bidu tas-sena d-dieħla biex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-binja, li mistennija tibda tintuża f’Jannar tas-sena elfejn u tlieta u għoxrin.