Raġel u mara ġew arrestati fuq akkużi relatati ma’ pussess ta’ oġġetti relatati mal-abbuż tad-droga proprja tard ilbieraħ filgħaxija.
Kien wara jiem ta’ osservazzjoni fuq garaxx fi Triq Prince Albert, il-Marsa, il-pulizija bdiet sorveljanza fuq sid il-garaxx, raġel ta’ 30 sena mill-Marsa, minn fejn allegatament kien qiegħed ibigħ id-droga.
Kien għal ħabta tal-għaxra meta l-Iskwadra tal-Ispecial Intervention Unit daħlu fil-post fejn qattgħu l-bibien tal-ħadid u malli fetħu l-aċċess għall-post, il-pulizja daħlu u arrestaw lir-raġel.
Minn hemm l-uffiċjali tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għamlu tfittxija fil-garaxx fejn instabu diversi boroż bi qratas suspettati droga kokaina u eroina, kif ukoll instab ammont ta’ sustanza suspettata crack. Ġew elevati wkoll miżien, numru ta’ skieken, flus kontanti, kif ukoll oġġetti oħra relatati mad-droga.
Bil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Astrid May Grima, li min-naħa tagħha ħatret l-esperti sabiex jassistuha.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat, bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Waqt li l-Pulizija kienu fuq il-post, ġiet arrestata mara ta’ 45 sena minn San Pawl il-Baħar hekk kif instabet fil-pussess ta’ oġġetti relatati mal-abbuż tad-droga.