Notifiki

Il-PM jinawgura magna ġdida tal-MRI fl-isptar Mater Dei

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, inawgura magna ġdida tal-MRI fl-Isptar Mater Dei b’investiment ta’ tlieta punt ħames miljun ewro.

Bħalissa fl-Isptar Mater Dei jsiru madwar seba’ mitt eżami tal-MRI fil-ġimgħa, mija minnhom isiru fi sptarijiet oħra.

Permezz ta’ din il-magna l-ġdida, li parti minnha ġiet iffinanzjata minn fondi Ewropej, se jibdew isiru mal-100 eżami tal-MRI aktar fil-ġimgħa.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jibqa’ għaddej jinvesti f’dawn l-inizjattivi biex jassigura li l-ġid ekonomiku li jinħoloq, jolqot lil dawk l-aktar li għandhom bżonn, fosthom il-pazjenti u l-persuni vulnerabbli. Huwa qal li permezz ta’ dan l-investiment se tkompli tonqos il-lista tal-istennija li jkollhom bżonn jagħmlu dan l-eżami mediku.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li din il-magna se tintuża fost l-oħrajn għall-MRIs tal-qalb, li f’dawn l-aħħar snin, id-domanda għalihom żdiedet b’mod konsiderevoli.

Din il-magna l-ġdida hija tal-aħħar teknoloġija fis-suq u għall-ewwel darba se ssir kollaborazzjoni bejn l-Isptar Mater Dei u l-Università ta’ Malta bil-għan li l-komunità medika lokali tkun tista’ tagħmel ir-riċerka mixtieqa.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-finanzjament tal-apparat tal-MRI jifforma parti minn proġett ferm ikbar ta’ €38 miljun.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend