Budget ta’ għajnuna li qed iwitti t-triq għall-futur – One News

Notifiki

Budget ta’ għajnuna li qed iwitti t-triq għall-futur

Il-kontroll tal-COVID-19 jitlob restrizzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lin-negozji, jiskoraġixxu l-konsum, u jxekkel kwalunkwe attività ekonomika li tinvolvi nies jiltaqgħu man-nies.

Qal dan il-Ministru għall-Finanzi l-Professur Edward Scicluna waqt l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tiegħu, li spjega kif din is-sitwazzjoni twassal għal kriżi ekonomika u inċertezza fil-pajjiż.

Qal li dan iż-żmien huwa test għal kull Gvern li juri l-vera ħiliet tiegħu, kemm għandu riżorsi, kemm huwa preparat, kemm għandu poplu dixxiplinat u kemm għandu ekonomija reżiljenti.

Fuq kollox huwa test għal kull Gvern ta’ kemm huwa kapaċi jamministra l-ekonomija fil-maltemp u ż-żminijiet diffiċli.

Il-Ministru Scicluna stqarr: “Il-poplu jkun jista’ jikkonferma dak li ħass meta sema’ l-budget, li dan il-budget għall-2021 mhux biss huwa l-ikbar imma tassew huwa l-aqwa budget għal dawn iż-żminijiet mimlijin sfidi.”

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal li dak li skont l-Oppożizzjoni kien budget ta’ Gvern għajjien, f’nofs pandemija l-Gvern preżenta budget t’għajnuna li qed iwitti t-triq għall-futur.

Huwa tkellem fuq il-viżjoni teknoloġika għal Malta biex issir destinazzjoni attraenti li tattira investiment fil-qasam tat-teknoloġija u l-innovazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari “Xi darba, iktar ‘il quddiem, xi pandemija ħa terġa’ tolqot lid-dinja, kriżijiet ekonomiċi ħa jkollna, u din l-amministrazzjoni qed taħdem bil-kbir biex meta pajjiżna jaffaċċja l-maltemp mhux ibati imma rridu li jkollna ekonomija diversifikata li tkun mibnija fuq niċeċ ekonomiċi li jifilħu għal xokkijiet u allura qed nitkellmu b’mod partikolari fuq in-niċeċ marbuta mat-teknoloġija u l-qasam diġitali.”

Tkellem ukoll id-Deputat Laburista Clyde Caruana, li rrikonoxxa l-isfidi li qed jaffaċċjaw in-nies, b’mod partikolari dawk li ntlaqtu direttament mill-pandemija, imma nnota kif filwaqt li f’pajjiżi oħra l-qgħad qed jiżdied, f’Malta iktar nies qed isibu impjieg.

L-Onor. Caruana saħaq: “Aħna f’pajjiżna b’wiċċna minn quddiem se nkunu nistgħu ngħidu li grazzi għall-għaqal u r-responsabbiltà ta’ dan il-Gvern, it-taxxi f’pajjiżna se nkunu fil-pożizzjoni li ma nżiduhomx u dan ħa nkunu nistgħu nagħmluh għax l-ekonomija tagħna hija b’saħħitha, għax il-Gvern jipproġetta u għandu viżjoni.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend