Investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni fl-Ajruport u l-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri wasslu biex jiġi arrestat raġel ta’ sitta u erbgħin sena mill-Marsa, wara li ġie identifikat bħala l-allegat ħalliel li wettaq erba’ serqiet mill-ajruport
Nhar it-Tlieta, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata b’serqa ta’ madwar sitt elef ewro f’ġojjellerija minn ħanut fl-ajruport.
Minn filmati elevati mill-kameras tas-sigurtà, sar magħruf li l-allegat ħalliel uża mutur biex jitlaq minn fuq il-post.
Minn iżjed investigazzjonijiet, irriżulta wkoll li l-istess persuna allegatament wettqet serq ukoll fit-30 ta’ Ottubru minn ħanut ieħor fl-ajruport, u fit-3 u fil-5 ta’ Novembru mill-pompa tal-petrol tal-ajruport.
Għalhekk saret tfittxija għalih u sussegwentement ġie arrestat aktar kmieni llejla mir-residenza tiegħu.
Hemmhekk il-pulizija sabu oġġetti b’rabta mas-serq u l-mutur.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti għada.