Skema ġdida tgħin lin-negozji jissaħħu għall-futur – One News

Notifiki

Skema ġdida tgħin lin-negozji jissaħħu għall-futur

Skema ġdida ser tkun qed tara lin-negozji żgħar u medji jkunu mgħejjuna mill-Gvern sabiex jibbenefikaw minn konsulenza li turihom kif jistgħu jtejbu n-negozji tagħhom u jippreparawh għall-ġejjieni.

Din l-iskema tal-Malta Enterprise tħabbret waqt il-ġimgħa għan-negozji ż-żgħar u medji organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri stqarr kif il-ħsieb huwa li b’għaqda mal-Kamra tal-Kummerċ jitwassal il-messaġġ favur l-importanza li n-negozji Maltin ikomplu jimmodernizzaw ruħhom f’dan iż-żmien b’mod speċjali. Dan hekk kif stqarr li l-pandemija ser tkun qed tibdel il-mod ta’ kif wieħed jopera u għalhekk in-negozji għandhom jużaw dan iż-żmien biex jippreparaw ruħhom għall-futur.

Il-Ministru Schembri stqarr: “Grazzi għal din l-iskema ser inkunu qed inħallsu nofs l-ispiża ta’ ħamest elef ewro ta’ konsulent li jkun jista’, dak li jkun iqabbad lil min irid hu, imma dak jgħinu sabiex janalizza, x’qed jara forsi llum li jista’ jagħmel aħjar, x’ħadem barra minn Malta u x’jista’ jaħdem għalih. Biex eventwalment jista’ jkompli jkabbar in-negozju tiegħu u anke jkun iktar reżiljenti għad-dinamiċiżmu tal-ekonomija futura.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia spjega kif l-iskema hija mmirata sabiex tgħin lin-negozji jieqfu u jaħsbu dwar kif jistgħu jimmodernizzaw l-operat tagħhom u jindirizzaw ċertu inefiċjenzi li għandhom fil-proċessi tagħhom bħalissa. Huwa stqarr li filwaqt li permezz ta’ din l-iskema l-Gvern ser ikun qed joffri l-għajnuna fl-ewwel fażi tal-proċess, skemi oħrajn bħal dik imsemmija fil-Budget ser ikunu qed jgħinu lin-negozji fil-fażi tal-implimentazzjoni wkoll.

Huwa qal: “Naħseb illi bl-iskemi li qed nagħmlu bħala ‘Malta Enterprise’ mhux biss qed ngħinu lin-negozju jgħix bħalissa. Qed ngħinu lin-negozju jaħseb ukoll kif itejjeb il-proċessi tiegħu u anke biex jimplimenta dawk it-tibdiliet meħtieġa sabiex il-business ikun iktar b’saħħtu.”

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, laqa’ b’mod pożittiv din l-iskema u stqarr kif din hija kruċjali sabiex in-negozji f’pajjiżna jużaw dan iż-żmien sabiex itejbu l-operat tagħhom u jippreparaw għall-futur.

Is-Sur Xuereb sostna: “Il-kamra tal-kummerċ hija parteċipi f’dan il-proċess fejn mhux biss jintgħażlu l-konsulenti biex jgħinu lill-industrija tiġġedded imma timmotiva, tixpruna, tissuġerixxi lill-businesses kollha jieqfu u jaħsbu biex verament ikunu reżiljenti u jiffurmaw l-ekonomija t’għada u b’hekk ikunu verament sostenibbli.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend