Kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għall-forzi tal-ordni – One News

Notifiki

Kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għall-forzi tal-ordni

Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-pumpiera tal-Protezzjoni Ċivili se jibdew igawdu minn kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar grazzi għal ftehimiet importanti li l-gvern laħaq mal-unjins li jirrappreżentawhom, li mistennija jkunu ffirmati fil-jiem li ġejjin.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri waqt l-estimi finanzjarji għall-budget tas-sena d-dieħla fil-Parlament. Kważi elfejn suldat se jintlaqtu minn dan il-ftehim.

Il-Ministru Camilleri qal: “Kull darba li fl-aħħar għaxar xhur tkellimt dwar kemm is-suldati tagħna jaħdmu għal pajjiżna, irċivejt kummenti, daqqa wieħed u daqqa ħafna iktar, ta’ persuni li jgħiduli: veru naħdmu imma l-pajjiż meta se jirrikonoxxina? U nifimhom għaliex kont naf li l-kundizzjonijiet tagħhom ilhom staġnati fl-iktar livelli baxxi għal ħafna snin. Kull darba weġibt billi wegħedthom li l-Gvern ma kienx se jinsiehom.”

Fiż-żmien li ġej mistenni jintlaħaq ftehim ukoll mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Il-Ministru Camilleri spjega wkoll kif dan il-budget żied l-investiment fil-forzi tal-ordni b’sitt darbiet aktar minn dak li kien fl-2012 sabiex isaħħaħ ir-riżorsi tagħhom u jassigura li l-ħaddiema jkunu jistgħu jaffaċċjaw l-isfidi li jġib magħhom dan il-qasam.

Min-naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, intużaw aktar minn wieħed u disgħin miljun ewro fi proġetti fil-qasam tas-saħħa, dak tal-akkomodazzjoni, u fil-qasam sportiv fost l-oħrajn.

Hawn fakkar fil-programm il-ġdid ta’ residenza b’investiment, fejn l-aġenzija li tirregola dan kollu se timplimenta l-iktar kriterji stretti ta’ due diligence u verifika. Fl-istess ħin, regolatur indipendenti se jkompli jiskrutinizza l-proċess ta’ applikazzjoni eżegwit mill-Aġenzija u d-deċiżjonijiet kollha li jirriżultaw.

Huwa stqarr: “F’termini ta’ numri, sa mill-bidu tat-tnedija tal-Aġenzija, daħlu 2,506 l-applikazzjoni, li minnhom ġew ipproċessati 72%. S’issa nħarġu 743 ċertifikat ta’ residenza wara li ngħalaq il-proċess kollu. Il-kumplament qed jiġu pproċessati wara li rċevew l-approvazzjoni fl-aħħar xhur.”

“Madwar 14% tal-applikazzjonijiet sottomessi jinsabu mwaqqfa għaliex l-Aġenzija talbet aktar kjarifiċi lill-aġenti wara li beda l-proċess ta’ due diligence fuqhom. U għall-istess raġuni kienu rtirati 3%, filwaqt li 10% kienu rifjutati. Dan huwa sinjal ċar tal-analiżi rigoruża li tgħaddi minnha kull applikazzjoni.”

Id-Deputat Laburista Manuel Mallia fakkar ukoll kif il-korp tal-Pulizija baqa’ jagtħi sehem kruċjali anke tul il-pandemija.

Huwa tenna: “Għandna Gvern li hu dispost u jgħin lill-korp bil-faċilitajiet kollha li hemm bzonn għaliex inutli tgħid li hemm bzonn trasformazzjoni. Din t-trasformazzjoni għandha bosta forom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend