16:48: Fuq Twitter, il-President Amerikan Donald Trump qal li għandu jitwaqqaf l-għadd tal-voti. Din it-Tweet inkitbet mill-President Amerikan, wara l-kamp Repubblikan fetaħ kawża l-Qorti sabiex jitwaqaf l-għadd tal-voti f’Michigan u Pennsylvania.
16:07: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden għandu vantaġġ ta’ 40 vot tal-Kulleġġ tal-Eletturi fuq Trump. Il-kandidat elett fl-ogħla kariga fil-White House irid iġib it-total ta’ 270 voti tal-Kuleġġ tal-Eletturi. Biden jinsab 17 vot ‘il bogħod filwaqt li Trump jinsab 57 vot ‘il bogħod minn dan in-numru maġiku.
L-aħħar figuri juru li l-vantaġġ li għandu l-kandidat Repubblikan fuq Biden qed jonqos fl-istat ta’ Pennsylvania. Dan l-istat għandu total ta’ 20 vot tal-Kulleġġ tal-Eletturi u li għalhekk huwa meqjus bħala stat importanti għal din it-tellieqa.
Jekk Biden ma jirbaħx l-istat ta’ Pennsylvania, ir-riżultat tal-elezzjoni jkun qed jiddependi fuq Arizona, Georgia u Nevada hekk kif il-kandidati huma ras imb ras f’dawn it-tliet stati.
Il-kanditat Demokratiku Joe Biden qed igawdi mill-maġġoranza fl-istati ta’ Arizona u Nevada li ż-żewġ stati f’daqqa jammontaw għal 17-il vot, eżatt kemm għandu bżonn biex ikun is-46 President Amerikan. Donald Trump qed igawdi minn vantaġġ żgħir ta’ inqas minn nofs perċentwal f’Georgia, dan l-istat għandu 16-il vot.
14:18: Il-kanditat Demokratiku Joe Biden qed igawdi mill-maġġoranza fl-istati ta’ Arizona u Nevada li ż-żewġ stati f’daqqa jammontaw għal 17-il vot, eżatt kemm għandu bżonn biex Biden ikun is-46 President Amerikan. Donald Trump qed igawdi minn vantaġġ żgħir ta’ inqas minn nofs perċentwal f’Georgia, dan l-istat għandu 16-il vot.
12:37: Sitwazzjoni interessanti fl-istat ta’ Pennsylvania, hekk kif it-tim tal-kampanja tal-President u kandidat Repubblikan Donald Trump qed jgħidu li rebħu dan l-istat, li għandu 20 vot tal-eletturi. Iżda t-tim ta’ Biden jinsab fiduċjuż li l-kandidat Repubblikan se jirbaħ dan l-istat.
F’Pennsylvania, Trump kellu vantaġġ ta’ madwar 700,000 vot, iżda bħalissa dan id-distakk nieżel għal 164,000 vot. Hekk kif baqa’ aktar minn 10% tal-voti x’jingħaddu u Biden jeqleb dan id-distakk huwa jkun ġab il-270 vot li għandu bżonn sabiex isir President Amerikan.
12:05: L-affarijiet qed ikompli jiżviluppaw b’mod aktar interessanti hekk kif fl-istat ta’ Georgia id-distakk bejn Biden u Trump huwa ta’ 18,540 vot biss. Dan meta aktar qabel, id-distakk kien ferm ikbar. Georgia għandu 16-il vot tal-eletturi biex b’hekk it-taqtiegħa qed issir aktar missielta, b’Biden għandu ċans akbar li jsir President.
09:06: Fl-istat ta’ Arizona li jġorr 11-il vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi, il-vantaġġ ta’ Joe Biden jidher li qed jitnaqqas sew. Dan hekk kif bħalissa l-vantaġġ għal Biden huwa ta’ madwar 68,000 vot.
08:36: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden għandu vantaġġ ta’ 40 vot tal-Kulleġġ tal-Eletturi fuq Trump. Il-kandidat elett fl-ogħla kariga fil-White House irid iġib it-total ta’ 270 voti tal-Kulleġġ tal-Eletturi. Biden jinsab 17-il vot ‘il bogħod filwaqt li Trump jinsab 57 vot ‘il bogħod minn dan in-numru maġiku.
L-aħħar figuri juru li l-vantaġġ li għandu l-kandidat Repubblikan fuq Biden qed jonqos fl-istat ta’ Pennsylvania. Fil-jum tal-Erbgħa, Trump kien qed jgħaddi lir-rival tiegħu bi kważi 380,000 vot, madanakollu dan id-distakk bħalissa jinsab bi ftit aktar minn 160,000 vot.
L-istat ta’ Pennsylvania għandu total ta’ 20 vot tal-Kulleġġ tal-Eletturi u li għalhekk huwa meqjus bħala stat importanti għal din it-tellieqa. Qabel l-2016, dan l-istat kien jifaxorixxi d-Demokratiċi, iżda fl-elezzjoni li għaddiet Trump kien dawwar dan il-vot lejh. Ir-riżultat f’dan l-istat huwa mistenni li jdum hekk kif fadal akar minn 760,000 vot x’jingħaddu miż-2,600,000 vot li nxteħtu.
07:04: L-istati li għad baqa’ sabiex ikun magħruf ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni Presidenzjali huma: Pennsylvania, Georgia, North Carolina, Arizona, Nevada u Alaska. Is-sitwazzjoni f’dan l-istati tinsab hekk:
- F’Arizona, Joe Biden jinsab fuq quddiem b’vantaġġ ta’ madwar 79,000 vot, fejn hawnhekk ġew mgħoddija 86% tal-voti. Ta’ min ifakkar li f’dan l-istat, Biden kellu maġġoranza ta’ aktar minn 200,000 vot, bil-kamp ta’ Trump jinsabu aktar kunfidenti li b’xi mod jistgħu jiksbu dan l-istat;
- Fl-istat ta’ Nevada, Biden għandu vantaġġ ta’ madwar 8,000 vot fuq Trump, fejn f’dan l-istat ġew mgħoddija 86% tal-voti;
- F’Pennsylvania, il-vantaġġ tal-President Amerikan Donald Trump f’dan l-istat nieżel minn madwar 398,000 għal madwar 160,000 vot. Hawnhekk ġew mgħoddija 89% ta-voti;
- F’North Carolina, Trump għadu vantaġġ ta’ madwar 76,000 vot, fejn hawnhekk ġew mgħoddija 95% tal-voti;
- Fl-istat ta’ Georgia, il-vantaġġ għal Trump huwa ta’ 23,000 vot, b’95% tal-voti huma mgħoddija;
- F’Alaska, il-President Amerikan Donald Trump għandu vantaġġ ta’ 51,000 vot, b’47% tal-voti ġew mgħoddija.
06:42: It-taqtiegħa bejn Trump u Biden għall-għola kariġa fil-White House għadha missielta sew, minkejja li l-kandidat Demokratiku Joe Biden jinsab fuq quddiem biex jikseb in-numru ta’ 270 vot fil-kulleġġ.
22:23: Bir-riżultat f’Michigan, Biden jonqsu biss rebħiet fl-istati ta’ Nevada u Arizona sabiex jikseb il-270 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
F’dawn iż-żewġ stati, il-kandidat Demokratiku Joe Biden jinsab fuq quddiem li jikseb dawn l-istati. F’Arizona, Biden għandu vantaġġ ta’ 51% tal-voti u f’Nevada, Biden għandu vantaġġ ta’ 49.3%.
22:17: B’dan ir-riżultat f’Michigan, Biden jinsab fuq quddiem b’253 vot filwaqt li Trump għandu 213-il vot.
22:16: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden rebaħ ukoll l-istat ta’ Michigan, fejn dan l-istat iġorr 16-il vot fil-kulleġġ.
22:14: Biden qal li f’din il-kampanja huwa kien hemm għad-Demokratiċi, iżda la jkun President se jkun qed jaħdem għall-poplu kollu Amerikan. Qal li huwa kunfidenti li se jirbaħ din l-elezzjoni Presidenzjali.
22:11: Biden jgħid li fl-aħħar tal-għadd tal-voti, huwa se jkun rebaħ biżżejjed voti sabiex jikseb il-270 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
22:09: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden qed jagħmel indirizz lill-midja minn Delaware. Flimkien ma’ Biden hemm Kamala Harris, li qed tikkontesta għall-irwol ta’ Viċi President mill-kamp Demokratiku.
21:41: It-tim ta’ Trump iddikjara rebħa fl-istat ta’ Pennsylvania minkejja li l-voti għadhom mhux mgħoddija kollha.
21:38: Joe Biden kiseb l-akbar ammont ta’ voti li kandidat għall-President Amerikan qatt kiseb. Din l-elezzjoni hija storika wkoll hekk kif l-elezzjoni tat-Tlieta kellha l-akbar turnout f’120 sena.
S’issa l-kandidat Demokratiku Biden kiseb kważi 70 miljun vot, fejn dan jaqbeż dak l-ammont li ġab l-eks President Amerikan, Barrack Obama.
21:28: Ir-riżultat finali se jkun qed jiddependi fuq is-sitt stati, dawk ta’ Arizona, Georgia, Pennsylvania, Michigan, North Carolina u Nevada. Is-sitwazzjoni f’dawn l-istati tinsab hekk:
- F’Arizona, Joe Biden jinsab fuq quddiem b’51% tal-voti;
- F’Michigan, il-kandidat Demokratiku għandu vantaġġ ta’ 38,000 vot;
- F’Nevada, Biden għad għandu vantaġġ ta’ 8,000 vot;
- Fl-istat ta’ Georgia, il-President Amerikan Donald Trump għandu vantaġġ ta’ madwar 78,000 vot;
- F’North Carolina, Trump jinsab fuq quddiem b’vantaġġ ta’ madwar 76,000 vot;
- Il-President Amerikan Donald Trump għandu vantaġġ komdu ta’ kważi 400,000 vot f’Pennsylvania.
21:07: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden, li jinsab fuq quddiem tat-tellieqa mistenni jagħmel indirizz dalwaqt.
21:03: Fl-istat ta’ Michigan, hekk kif ingħaddew 94% tal-voti mitfuha, Joe Biden jinsab b’vantaġġ ta’ madwar 37,000 fuq ir-Repubblikani ta’ Trump.
20:48: Fuq Twitter, il-kandidat Demokratiku Joe Biden, li s’issa jinsab fuq quddiem tat-tellieqa, qal kif kull vot jgħodd.
20:01: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden rebaħ l-istat ta’ Wisconsin b’49.4%, b’hekk issa Biden għandu 236 vot tal-Kulleġġ tal-Eletturi filwaqt li Trump għadu b’213-il vot.
19:45: Ara din l-ispjegazzjoni dwar l-aħħar żviluppi mill-istati li għadhom miftuħin u x’jista jiġri matul il-ħin li ġej.
18:51: Minkejja li r-riżultat fl-istat ta’ Wisconsin għadu mhux finalizzat, it-tim ta’ Trump talbet li jsir recount f’dan l-istat. Bill Stepien, uffiċjal mit-tim tal-kandidat Repubblikan Donald Trump qal li allegatament kien hemm irregolaritajiet fl-għadd tal-voti ta’ dan l-istat.
F’dan l-istat 99% tal-voti ġew mgħoddija, b’Joe Biden jinsab fuq quddiem b’49.5%, filwaqt li Donald Trump għandu 48.8% tal-voti.
18:23: Fl-istat ta’ Michigan baqa’ madwar 200,000 vot x’jingħaddu sabiex ikun magħruf ir-riżultat f’dan l-istat. Dan tħabbar mis-Segretarju tal-Istat ta’ Michigan Brad Raffensperger.
18:08: Il-kandidat Demokratu Joe Biden rebaħ tlieta mill-erba’ voti tad-distrett ta’ Maine fil-Kulleġġ tal-Eletturi. F’dan l-istat Biden ġab 54.2% tal-voti u b’hekk rebaħ tliet siġġijiet oħra fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
17:32: Il-gvernatur ta’ Pennsylvania, Tom Wolf qal kif ir-riżultat f’dan l-istat jaf mhux se jkun magħruf matul il-ġurnata tal-Erbgħa.
17:20: Fid-disa’ stati li għad baqa’ sabiex jintlaħaq in-numru maġiku ta’ 270 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi, is-sitwazzjoni tinsab hekk:
- F’Nevada, il-kandidat Demokratiku Joe Biden jinsab fuq quddiem b’49.3% – vantaġġ ta’ minn 8,000 vot;
- F’Arizona, Biden jinsab fuq quddiem b’51% tal-voti;
- Fl-istat ta’ Winconsin, Biden jinsab fuq quddiem b’49.4% – b’vantaġġ ta’ aktar minn 20,000 vot;
- F’Michigan, Joe Biden jinsab fuq quddiem b’49.5% – b’maġġoranza ta’ aktar minn 32,500 vot;
- Fl-istat ta’ Maine, Joe Biden għandu maġġoranza ta’ 54.4%;
- F’Pennsylvania, il-President Amerikan Donald Trump jinsab fuq quddiem b’54.1%;
- F’North Carolina, Trump jinsab fuq quddiem b’50.1%, b’vantaġġ ta’ 76,000 vot;
- F’Georgia, Trump fuq quddiem b’50.5%, b’aktar minn 100,00 vot
- F’Alaska, Trump jinsab fuq quddiem b’maġġoranza komda ta’ 61.4%.
16:58: Minn hawn u ftit ieħor, il-kanditat Demokratiku Joe Biden mistenni jindirizza l-poplu Amerikan.
16:38: L-elezzjoni tat-Tlieta hija waħda storika, hekk kif minkejja li saret f’pandemija, it-turnout kien l-ikbar wieħed f’120 sena. Dan hekk kif dawk li ħarġu jivvutaw kien ta’ 66.9%, żewġ terzi ta’ dawk eleġibbli li jivvutaw f’din l-elezzjoni.
15:53: Hekk kif Biden jinsab fuq quddiem fl-istat ta’ Michigan, b’vantaġġ ta’ kważi 9,000 vot fuq Donald Trump, wieħed mill-uffiċjali tal-kandidat Demokratiku qal li Biden se jkun ir-rebbieħ ta’ din l-elezzjoni presidenzjali.
15:06: It-tellieqa għall-White House qed tiżviluppa b’aktar interess fejn issa Biden jinsab b’vantaġġ żgħir ħafna fuq Trump fl-istat ta’ Michigan. Fl-aħħar ċifri maħruġa Biden u Trump qegħdin ras imb ras f’dan l-istat b’Biden jirkupra minn żvantaġġ ta’ 26,000 vot u issa qiegħed b’vantaġġ ta’ kważi 7,000 vot.
Osservaturi politiċi jgħidu li jekk Biden jirbaħ Michigan u Nevada u jżomm l-istati li baqa’ li huma tradizzjonalment Demokratiċi huwa jirbaħ l-elezzjoni.
14:11: F’Wisconsin, il-kandidat Demokratiku Joe Biden qiegħed fuq quddiem b’49.5%, b’maġġoranza ta’ aktar minn 20,000 vot fuq Donald Trump. F’dan l-istat ingħaddew kważi 97% tal-voti.
F’Nevada wkoll, Biden jinsab fuq quddiem b’maġġoranza ta’ 8,000 vot fuq Trump.
Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Donald Trump għadu fuq quddiem fl-istat ta’ Michigan b’49.4%, b’maġġoranza ta’ madwar 26,000 vot. Dan hekk kif ingħaddew 86% tal-voti.
F’Pennsylvania, f’North Carolina u Georgia, Donald Trump għandu maġġoranza komda.
12:14: Is-sitwazzjoni fl-istat ta’ Wisconsin tibqa’ waħda viċin, hekk kif Biden għadu vantaġġ żgħir fuq Trump ta’ madwar 7,000 vot.
12:01: L-istennija tibqa’ fuq disa’ stati, li huma: Alaska, Arizona, Georgia, Michigan, Maine, Nevada, North Carolina, Pennslyvania u Wisconsin. F’dawn l-istati għaddej l-għadd tal-voti sabiex ikun stabbilit minn jaqbeż in-numru maġiku ta’ 270 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
10:56: Is-sitwazzjoni f’Wisconsin tibqa’ waħda taħraq, hekk kif id-differenza bejn Biden u Trump hija biss ta’ ftit inqas minn 10,000 vot. Erba’ snin ilu, Trump rebaħ dan l-istat b’maġġoranza ta’ madwar 22,000 vot.
10:43: Żvilupp fl-istat ta’ Wisconsin, hekk kif il-kandidat Demokratiku Joe Biden qed jaqbeż lil Trump bi 11,381 vot. F’dan l-istat ingħaddu bejn wieħed u ieħor 89% tal-voti mitfuha u jfisser 10 voti fil-kulleġġ. S’issa Biden għandu 49.3%, filwaqt li Trump għandu 49% – vantaġġ minimu ta’ 0.3%.
10:34: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden rebaħ l-istat ta’ Hawaii, fejn hawn żied erba’ voti oħra fil-Kulleġġ tal-Eletturi. B’hekk Joe Biden għandu 224 voti fil-Kulleġġ filwaqt li Trump għadu b’213-il vot fil-kulleġġ.
10:21: Il-maniger tal-Kampanja Elettorali ta’ Joe Biden, Jen O’Malley Dillon qalet li huwa skorett f’dak li qal il-President Amerikan Donald Trump fid-diskors tiegħu fil-White House.
10:05: Minkejja li għad baqa’ l-voti x’jingħaddu fl-istati ta’ North Carolina, Pennsylvania, Michigan, Wisconsin u Georgia, il-President Amerikan u l-kandidat Repubblikan Donald Trump jinsab fuq quddiem. B’dawn l-istati kollha jgħoddu għall-77 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
10:02: Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Josep Borrell, permezz ta’ Twitter qal li l-Unjoni Ewropea se tkompli bil-ftehim strateġiku mal-Istati Uniti.
09:14: Diversi persuni nieżlu fit-toroq tal-kapitali Amerikana, Washington DC sabiex jipprotestaw kontra t-tmexxija tal-President Amerikan Donald Trump. Dan il-protesti saru wkoll f’Los Angeles, North Carolina, Portland, Oregen u New York City.
09:07: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden jinsab fuq quddiem fl-istati ta’ Nevada b’50.3% u f’Arizona b’51.8%.
09:05: Il-President Amerikan Donald Trump jinsab fuq quddiem fl-istat ta’ Michigan b’53.3%, f’Wisconsin b’51.1%, Georgia b’50.6% u f’North Carolina 50.1%.
09:04: Aktar ma jgħaddi ħin, aktar qed jingħaddu voti speċjalment tal-akbar stati fosthom North Carolina, Michigan u Wisconsin.
08:28: Il-President Amerikan Trump qal li rebaħ din l-elezzjoni u semma’ kif dan ir-riżultat mistenni jmur quddiem il-Qorti Suprema Amerikana.
08:25: Fl-indirizz tiegħu mill-White House, il-President Amerikan Donald Trump qal kif ir-riżultat huwa fenominali u dan huwa riżultat rekord għall-moviment tiegħu. Semma’ kif rebaħ Florida, Ohio, Texas u North Carolina u semma’ kif hemm it-tama li jintrebaħ Pennsylvania.
08:01: Il-President Amerikan Donald Trump mistenni jagħmel indirizz mill-White House.
07:39: Dan ir-riżultat fl-istat ta’ Montana ressaq aktar viċin lil Trump u Biden fil-Kulleġġ tal-Eletturi. Bħalissa Biden jinsab 220 vot, filwaqt li Trump jinsab 213-il vot.
07:37: Il-President Amerikan Trump rebaħ l-istat ta’ Montana, b’54.7%. Dan l-istat iġorr miegħu 3 voti fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
07:36: Fil-ħin li ġej, il-President Amerikan Donald Trump mistenni jagħmel indirizz.
07:28: Il-President Amerikan Donald Trump rebaħ l-istat ta’ Nebraska, b’56.8%. F’dan l-istat, Trump rebaħ 4 voti fil-Kulleġġ tal-Eletturi, filwaqt li Joe Biden rebaħ vot wieħed.
07:21: Bir-rebħa ta’ Trump f’Texas, id-differenza bejn Donald Trump u Joe Biden jinsabu b’10 voti differenza fil-Kulleġġ tal-Eletturi. Tajjeb li wieħed jiftakar li sabiex jinħatar President irid jaqbeż in-numru ta’ 270 vot.
07:19: Il-President Amerikan u kandidat Repubblikan Donald Trump rebaħ Texas b’52.3%, li jġorr fih 38 vot tal-Kulleġġ tal-Eletturi.
07:15: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden rebaħ l-istat ta’ Rhode Island, li jġorr miegħu 4 voti fil-Kulleġġ.
07:04: L-iktar elezzjonijiet li se jkunu qed jiddeterminaw ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni huma dawk fl-istati ta’ Arizona, Georgia, Pennslyania, Michigan u Wisconsin.
06:52: B’hekk Joe Biden għadu jinsab fuq quddiem, b’215-il vot filwaqt li Donald Trump għandu 171 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
06:49: Il-President Amerikan u l-kandidat Repubblikan Trump rebaħ l-istat ta’ Iowa b’52.4%, b’hekk hawnhekk rebaħ sitt voti oħra fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
06:48: Fi tweet oħra, il-President Trump qal li mhux se jħallihom jisiqu l-elezzjoni.
06:47: Il-President Amerikan Donald Trump fuq Twitter qal li se jkun qed jagħmel indirizz dalwaqt, bil-kliem “A big WIN”.
06:46: F’indirizz f’Delaware, Biden qal li għad baqa’ ħafna sakemm jingħalaq ir-riżultat.
06:45: Is-sitwazzjoni bħalissa tinsab, Joe Biden jinsab fuq quddiem b’215-il vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi, filwaqt li l-President Amerikan Donald Trump għandu 165 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
06:41: Il-President Amerikan Donald Trump rebaħ l-istat ta’ Florida, b’dan ir-riżultat Trump rebaħ 29 voti fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
06:35: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden rebaħ l-istat ta’ Minnesota b’riżultat ta’ madwar 53.1%. B’hekk Biden ħa 10 voti oħra fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
06:28: Hekk kif għaddej l-għadd tal-voti f’diversi stati, fl-istati ta’ Alaska u Hawaii l-votazzjoni għadha miftuħa.
06:22: B’hekk is-sitwazzjoni tinsab hekk, b’Joe Biden fuq quddiem b’205 voti fil-Kulleġġ, filwaqt li Trump b’136 voti Kulleġġ tal-Eletturi.
06:19: Il-President Amerikan u l-kandidat Repubblikan Donald Trump rebaħ l-istat ta’ Idaho, fejn dan għandu 4 voti fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
06:18: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden se jkun qed jagħmel indirizz dalwaqt minn Delware għall-ħabta tas-6:30 ħin lokali.
06:16: F’wieħed mill-istati, dak ta’ Arizona li se jiddetermina din l-elezzjoni, il-Kandidat Demokratiku Joe Biden jinsab fuq quddiem, b’aktar minn tliet kwarti tal-voti mgħoddija.
06:10: Din hi l-mappa tal-Istati ta’ kif tinsab is-sitwazzjoni bħalissa fl-Istati Uniti.
06:06: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden xorta waħda għadu jinsab fuq quddiem, b’205 vot u Trump b’132 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
06:03: Il-President Amerikan Donald Trump ħa l-istat ta’ Ohio, li fih 18-il vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi. Hawnhekk Trump kiseb 53.4%, filwaqt li l-kandidant l-ieħor Joe Biden kiseb 45.1%. Fl-2016, Trump ukoll kien rebaħ dan l-istat, fejn hawnhekk Trump kien rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali ta’ erba’ snin ilu.
05:50: L-istati importanti, imsejħa bħala swing states huma Arizona, Pennylvania, Michigan u Wisconsin. Dawn jorbtu magħhom 57 vot fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
05:45: Wieħed irid jiftakar li sabiex Trump jew Biden isir President Amerikan irid iġib in-numru msejjaħ maġiku ta’ 270 fil-Kulleġġ tal-Eletturi.
05:40: Minkejja li s’issa l-President Trump mistenni jirbaħ aktar stati, Joe Biden jinsab fuq quddiem fil-Kulleġġ tal-Eletturi, hekk kif Joe Biden għandu 192 filwaqt li Donald Trump għandu 114 fil-Kulleġġ Eletturi.
05:38: Il-President Amerikan Donald Trump mistenni jerbaħ 17-il stat. Dawn huma Indiana, Kentucky, Oklahoma, Tennessee, West Virginia, Arkansas, South Dakota, North Dakota, Alabama, South Carolina, Louisiana, Nebraska, Utah, Missouri, Kansas, Wyoming, u Mississippi.
05:30: Il-kandidat Demokratiku Joe Biden mistenni jerbaħ 14-il stat, fosthom il-kapitali Amerikana, Washinton DC. Dawn l-istati li Biden mistenni jirbaħ huma Vermont, Delaware, Maryland, Massachusetts, New Jersey, New York, Connecticut, Colorado, New Mexico, New Hampshire, Illinois, California, Oregon, l-istat ta’ Washington, u Washington DC.
Hekk kif kważi ngħalqet il-votazzjoni fil-50 stat Amerikan, Washington, DC u fid-distretti ta’ Maine u Nebraska, ONE News se jkun qed jaġġorna minn ħin għall-ieħor bl-aħħar żvilluppi dwar l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti, li se tiddetermina minn se jkun il-President Amerikan għall-erba’ snin li ġejjin, jekk hux Donald Trump jew Joe Biden.
L-istazzjon ONE qed ixxandar programm bl-aħħar żviluppi dwar dak li qed jiġri fl-Istati Uniti, sal-ħin sakemm ikun magħruf ir-riżultat. Dan il-programm huwa produzzjoni mtella’ minn ONE News, bi preżentazzjoni ta’ Edward Montebello u Samuel Lucas.