Aktar tard illum għall-ħabta tan-nofs siegħa, se jitressqu l-Qorti żewġt irġiel, Malti u Alġerin, li nqabdu fil-pussess tad-droga u ġew arrestati f’ħidmiet separati mill-Pulizija tad-Distrett u tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
Raġel ta’ wieħed u tletin sena minn Wied il-Għajn ġie arrestat tard ilbieraħ filgħaxija waqt kontrolli tat-traffiku fi Triq Sant Antnin f’Wied il-Għajn, meta l-Pulizija tad-Distrett sabu fuqu disgħa u għoxrin qartas suspettati droga kokaina.
Instab li s-sewwieq kellu l-liċenzja tiegħu revokata u ġie ordnat biex joħroġ mill-karozza.
Fi tfittxija li saret fil-vettura, instabu diversi pakketti trasparenti tal-plastik mimlija bi trab abjad, x’aktarx droga kokaina. Instab ukoll ammont ta’ flus kontanti.
F’każ separat, Alġerin ta’ tletin sena minn San Pawl il-Baħar ġie arrestat fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga mill-Pjazza tal-Balluta.
Minn tfittxija li saret fuqu, ġew elevati boroż b’pilloli suspettati ecstasy kif ukoll kokaina, ħaxixa u raża tal-kannabis, allegatament lesti biex jiġu ttraffikati.
Iż-żewġt irġiel se jitressqu l-Qorti aktar tard illum quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.