Ħidma konġunta bejn ir-Rapid Intervention Unit u l-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan waslet għall-arrest ta’ żewġt irġiel barranin il-lejl li għadda wara allegat serq minn djar privati fis-Swieqi.
Kien għall-ħabta tal-ħamsa u għoxrin ta’ dalgħodu meta l-Pulizija rċeviet rapport ta’ persuna suspettuża li kienet f’dar fi Triq il-Kejla fis-Swieqi.
Mal-wasla tagħhom il-Pulizija arrestaw żagħżugħ ta’ erbgħa u għoxrin sena, fejn irriżulta li allegatament kien involut f’serqa oħra.
Wara aktar investigazzjonijiet il-Pulizija arrestat raġel ieħor f’residenza fil-Fgura fejn minn tfittxija nstabu numru ta’ oġġetti misruqa mis-Swieqi.
Huma qed jinżammu arrestati fil-lock-up tal-Furjana bl-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.