Ix-xahar ta’ Ottubru kien rekord għas-sena elfejn u għoxrin fl-iffirmar tal-konvenji fuq proprjetajiet filwaqt li l-istess xahar kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa fl-iffirmar ta’ konvenji mis-sena elfejn u sbatax ‘l hawn.
Dan hekk kif ċifri preliminari juru kif ġew iffirmati madwar elf ħames mija wieħed u ħamsin konvenju bit-total ta’ valur ikun ta’ tliet mija wieħed u sebgħin miljun ewro.
Dan ifisser li f’Ottubru kienet irreġistrata żieda ta’ għoxrin fil-mija fuq l-ammont ta’ konvenji rreġistrati meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi laqgħu din l-aħbar fejn faħħru l-inizjattivi tal-Gvern li ġew implimentati fuq bejgħ ta’ proprjetà, bir-riżultati jkunu ferm pożittivi minkejja l-imxija.
Il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti, qal kif dawn ir-riżultati jikkonfermaw għal darb’oħra li b’inizjattivi konkreti s-suq tal-proprjetà baqa’ reżiljenti.
Spjega kif minkejja ż-żmien diffiċli li d-dinja għaddejja minnu, is-suq tal-propjetà qed juri li hu l-aktar settur b’saħtu ekonomikament, fejn qed iħalli tkabbir ekonomiku.
Chetcuti spjega kif dawn ir-riżultati pożittivi, liema riżultati huma rikurrenti minn Ġunju li għadda, huma frott l-inċentivi li introduċa l-Gvern f’Ġunju li għadda fid-dawl tal-pandemija, liema inċentivi bbenefikaw minnhom kemm ix-xerrej iżda kif ukoll il-bejjigħ.
Tenna kif b’dawn l-inizjattivi, li fuqhom il-Gvern kompla jżid fil-Budget li għadda fosthom b’aktar tnaqqis fit-taxxi, l-MDA tinsab konvinta li l-industrija u l-membri fi ħdana se jkomplu jinvestu b’kunfidenza.
F’laqgħa mal-MDA, l-Ministru Silvio Schembri elenka problema li qed taffaċja l-industrija tal-kostruzzjoni, li tista’ tinbidel f’opportunità; l-iskart tal-kostruzzjoni, li kapaċi jinbidel f’riżorsa għall-industrija stess. Huwa temm ifakkar li l-Gvern u l-Assoċjazzjoni għandhom iħarsu ‘l quddiem, speċjalment għaliex f’pajjiżna l-materja prima hija limitata.