Oreste Zammit ta’ 61 sena mill-Ħamrun u huwa uffiċċjal pubbliku inżamm arrestat wara li fil-Qorti affaċċja akkużi ta’ ħasil tal-flus u li fost l-oħrajn, għamel depożiti ta’ flus kontanti li f’temp ta’ seba’ snin qabżu l-miljun u tmien mitt elf ewro. Dan meta dħul leġittimu tiegħu jammonta għal madwar mija u sittin elf ewro f’seba’ snin.
Huwa affaċċja akkużi wkoll li laqa’ għandu u ħeba xorb alkoħoliku li ma kienx tħallas id-dazju fuqhom, u li akkwista u żamm ħwejjeġ ġejjin minn atti kriminali.
Il-Qorti semgħet kif Zammit ikkopera mal-Pulizija u qalilhom hu stess li kien hemm xogħol li kien qed jagħmel li ma kienx dikjarat fuq id-denunzja fiskali tiegħu.
Zammit wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, iżda ġie spjegat li għad hemm xhieda pajżana li għadhom iridu jixhdu fil-każ.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.