Marquita Farrugia, li hija omm ta’ tlett itfal u għandha 36 sena, u Kurt Muscat ta’ 27 sena, nżammu arrestati wara li kienu mixlija fost oħrajn bi frodi, li kellhom fuqhom armi mingħajr liċenzja meħtieġa, u li heddew lil xi persuni, fosthom Ministru tal-gvern.
Fil-Qorti ntqal kif Farrugia allegatament ħadet xi flus minn mara oħra, u kif faqqgħet il-pandemija bdiet tistaqsi kif sejjer it-tali investiment.
Il-Prosekuzzjoni qalet li b’rabta ma’ dan il-każ hemm aktar minn 30 recording ta’ telefonata mill-akkużata lill-allegat vittma anzjana, fejn fihom, l-akkużata tinstema thedded lill-allegat vittma. Intqal ukoll li Muscat jinstema’ f’recording minnhom.
Il-Qorti semgħet ukoll kif l-allegat każ ilu għaddej mat-tliet snin, u li wara tiftix li saret f’darhom insabu erba’ armi tan-nar mingħajr liċenzja meħtieġa. Tnejn minn dawn kienu foloz.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ akkużati, iżda rrakkomandat li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Marquita Farrugia tingħata l-għajnuna kollha li għandha bżonn minħabba li għanda kundizzjoni medika serja.