L-impjant li minnu se tiġi ġġenerata l-enerġija jimxi għall-istadju li jmiss
L-impjant għat-trattament tal-iskart li minnu se tiġi ġġenerata l-enerġija se jimxi għall-istadju li jmiss dan hekk kif ma ġewx ippreżentati appelli.
Dan l-impjant se jipprovdi servizz ambjentali essenzjali billi jikkonverti skart destinat għal miżbla f’enerġija ħadra. Għalhekk, dan l-impjant se jikkonverti skart li ma jistax jiġi riċiklat f’riżorsi prezzjużi u jżid total impressjonanti ta’ 4.5% t’ enerġija ħadra mat-total preżenti t’ enerġija ta’ Malta.
Għal dan l-impjant ġew magħżula tliet offerenti li huma; FCCMA-Hitachi JV Malta, Urbaser-Terna u Consortium Suez – Tecnimont – Termomeccanica.
Il-proċess għax-xiri tal-akbar kuntratt li qatt ġie mmaniġġjat minn WasteServ Malta, li jista’ jersaq lejn l-€400 miljun, miexi ġmielu.
Fi stqarrija mibgħuta minn Wasteserv ntqal kif dan huwa frott tal-mod eċċellenti li l-Kwestjonarju ta’ Qabel il-Kwalifika ġie esegwit bih, liema riżultat intlaħaq permezz ta’ trasparenza assoluta u għadd ta’ sigħat ta’ xogħol metikoluż immexxi mit-tim tal-WasteServ u mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
WasteServ fil-jiem li ġejjin se tibda l-Istedina għad-Djalogu (ITPD) li se twassal għad-distribuzzjoni tal-Aħjar u l-Aħħar Dokument ta’ Offerta li fuqu t-tliet offerenti se jagħmlu l-offerti finali tagħhom.