Waqt l-estimi finanzjarji għall-Ministeru għat-Turiżmu, il-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika, intqal kif is-settur turistiku, għalkemm għaddej minn sfida, il-Gvern ma qgħadx lura milli jinvesti fih.
Il-budget għas-sena d-dieħla alloka s-somma ta’ €95 miljun għas-settur turistiku.
Somma rekord li tiżboq b’għaxar miljun ewro dik allokata għal din is-sena.
Fil-Parlament, il-Ministru Farrugia Portelli, apparti li semmiet proġetti importanti li jsebbħu lil pajjiżna, qalet li l-Gvern għen biex dawn il-ħaddiema, li qatt ma ħadu nifs meta s-settur turistiku kien għaddej b’ritmu mgħaġġel, issa kellhom iċ-ċans itejbu l-ħiliet tagħhom.
Qalet kif, “Aħna morna pass iktar ‘il quddiem minn pajjiżi oħra għaliex rajna li aħna ninvestu fil-ħaddiema tagħna. Li hija l-akbar riżorsa illi qatt jista’ jkollu l-pajjiż. Fis-settur turistiku investejna fi skema ta’ sitt miljun ewro biex dawk il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur turistiku jkunu jistgħu jitħarrġu.”
Id-deputat Laburista Jean Claude Micallef rrimarka wkoll dwar in-nefqa fit-turiżmu biex pajjiżna jibqa’ jattira turisti ta’ kwalità, anki la tgħaddi l-pandemija.
Spjega li, “Illi fi ħdanu għandek ħamsa u disgħin miljun, għaxar miljuni aktar mill-aħħar budget lill-MTA. Hemmhekk turi d-direzzjoni, il-grinta u l-enerġija illi dan il-Gvern għandu għal dan is-settur illi huwa għal qalbna.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista ta elenku għax-xogħol li sar biex it-toroq u l-pjazzez ikunu nodfa.
Saħaq fuq l-għajnuna li ngħatat lil numru ta’ Kunsill Lokali.
Qal li, “Matul dan is-sajf ingħatat għajnuna partikolari lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar sabiex tittaffa l-problema li ħakmet il-lokalità f’dawn l-aħħar snin. Għalhekk żidna iktar il-frekwenzi ta’ tindif u nistgħu ngħidu li l-ilmenti f’dawn iż-żoni naqsu b’mod konsiderevoli.”