George Farrugia, ir-raġel li ngħata l-proklama biex jixhed is-sewwa fil-każ ta’ tixħim fil-kuntratti taż-żejt fi żmien Gvern Nazzjonalista, baqa’ ma pprovdiex evidenza fuq transazzjonijiet finanzjarji f’kont bankarju Svizzeru.
Farrugia kien ammetta li huwa kien jagħti eluf ta’ flus biex ixaħħam nies fl-Enemalta biex jieħu kuntratti dwar iż-żejt.
Il-Maltatoday irrappurtat kif ftit tal-ġimgħat ilu, George Farrugia kien qed jixhed fil-Qorti f’każ kriminali kontra ħutu stess.
F’dan il-każ, il-ħames aħwa Farrugia jinsabu mixlija li kienu jafu bit-tixħim li qed jagħmel George Farrugia fil-kuntratti taż-żejt.
Meta kien feġġ l-iskandlu ta’ korruzzjoni fil-kuntratti taż-żejt, fi Frar tal-elfejn u tlettax, xahar eżatt qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru caretaker ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi kien ta l-parir biex tingħata l-maħfra Presidenzjali lil George Farrugia iżda meta f’nofs Ottubru li għadda, ix-xhud ewlieni f’dan il-każ, kien mistoqsi biex jippreżenta evidenza ta’ transazzjonijiet li juru li għaddew flus, Farrugia ma kienx kapaċi jippreżenta dan sa issa.
Farrugia saħaq li huwa m’għandux aċċess għal kont Svizzeru li kien fetaħ iżda preżenta sempliċiment ktieb promozzjonali tal-bank.
Id-difiża tal-aħwa Farrugia mmexxija mill-avukat Steven Farrugia Sacco qed tisħaq u titlob li George Farrugia jippreżenta l-attività finanzjarja ta’ dan il-kont.
George Farrugia kien qal li xaħħam fost oħrajn, liċ-chairman tal-Enemalta Tancred Tabone u lil Frank Sammut, li kien fil-kumitat tal-għoti tal-kuntratti taż-żejt tal-Enemalta.
Jirriżulta li lil dawn it-tnejn imsemmija, Farrugia qal li ħallashom man-nofs miljun dollaru.
Huwa kellu kumpanija mal-aħwa Farrugia bl-isem ta’ Power Plan Limited iżda imbagħad George Farrugia kien fetaħ kumpanija oħra bl-isem ta’ Aikon fejn fiha kien jitfa’ flus mill-kumpanija l-oħra li kellu ma’ ħutu.
Skont George Farrugia, ħutu kienu jafu b’dan hekk kif hu kien juża Aikon biex ixaħħam biha uffiċjali għolja fl-Enemalta, madankollu ħutu qed jisħqu li dan għamlu minn wara daharhom u li George Farrugia kien qed jieħu parti minn sehemhom mill-flus li kienu qed jidħlu fil-kumpanija ta’ bejniethom, Power Plan.
Farrugia stess kien ammetta li ħutu ma kinux jafu kif kien jaħdem bejn Powerplan u Aikon.
George Farrugia kien ammetta wkoll li darba kien f’lukanda fl-Iżvizzera u ta għoxrin elf dollaru fi flus kontanti lil Tancred Tabone.
L-aħwa ta’ George Farrugia qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontrihom, jiġifieri li huma kienu jafu bit-tixħim.
Sa issa, il-persuni akkużati fit-tixħim fil-kuntratti taż-żejt għadhom għaddejjin bin-negozju tagħhom fil-qasam taż-żejt.