Jonathan Ferris mistenni jiġi akkużat li għamel dikjarazzjonijiet foloz dwar l-allegazzjonijiet Egrant waqt li kien taħt ġurament.
Fl-inkjesta Egrant, Ferris, eks Spettur tal-Pulizija u eks maniġer ġewwa l-Financial Intelligence and Analysis Unit, kien qal li huwa identifika depożitu ta’ sitt mitt elf dollaru mill-Ażerbajġan għall-kumpanija ta’ persuna qrib Michelle Muscat.
It-Times qalet li analiżi forensika li saret b’rabta mal-inkjesta ma sabet l-ebda traċċi tat-tranżizzjoni ta’ flus minn bint il-President tal-Ażerbajġan għal ditta tal-ħwejjeġ Amerikana.
Ferris ġie mistoqsi dwar din l-allegazzjoni mill-Pulizija f’Awwissu ta’ sentejn ilu wara li tlestew l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant minn dak iż-żmien, il-Maġistrat Aaron Bugeja.
F’Settembru li għadda Ferris tilef kawża fil-Qorti kontra l-Gvern għax dakinhar kien allega li huwa ma ngħatax il-protezzjoni ta’ whistleblower minħabba motivazzjoni politika, xi ħaġa li l-Prim Awla Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Grazio Mercieca ma laqgħetx it-talba, b’Ferris kien ordnat li jħallas ukoll l-ispejjeż kollha relatati mal-kawża.
B’rabta mal-allegazzjonijiet tiegħu, Ferris ġie wkoll mgħajjat biex jixhed quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud u sa issa għadu mhux magħruf jekk inħarġux akkużi oħra fil-konfront ta’ Jonathan Ferris.
L-inkjesta Egrant kienet ġiet skattata mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat wara li kienu ġew ppubblikati kitbiet minn Daphne Caruana Galizia. L-inkjesta tal-Imħallef Bugeja, dakinhar Maġistrat kienet ikkonkludiet ċar u tond li ma kienu jeżistu l-ebda rabtiet bejn il-kumpanija Egrant u l-familja u qraba tal-eks Prim Ministru.
Fl-inkjesta tiegħu, Bugeja kien qal ukoll li apparti Ferris, ir-Russa Maria Efimova għandhom jiġu investigati bi sperġur. Madankollu filwaqt li Jonathan Ferris jinsab f’pajjiżna Maria Efimova tinsab maħruba.
Efimova kienet talbet ukoll għall-protezzjoni ta’ whistleblower u kienet saħansitra ġabret flus mingħand il-pubbliku pemrezz ta’ crowdfunding bil-għan li tipprova tivverifika d-dokumenti li kienet ppreżentat fl-inkjesta. Dakinhar Efimova kienet saħansitra sabet kenn minn David Casa li kien ħadem qatigħ sabiex il-Griegi ma jilqgħux it-talba tal-awtoritajiet Maltin u b’hekk ma tintbagħatx lejn Malta.