Il-Ġimgħa filgħodu fil-Palazz ta’ Sant’Anton tnediet is-17-il edizzjoni tal-kampanja BOV Piggy Bank b’risq l-Istrina.
Kampanja li mhux biss għandha l-għan li jinġabru l-flus għall-Malta Community Chest Fund, iżda għandha wkoll l-għan li tiżra’ sens ta’ solidarjetà u altruiżmu fost it-tfal.
Din is-sena l-karus tradizzjonali tal-Istrina se jkun magħmul mill-kartun u se jkollu stampati fuqu tpenġijiet magħmulin mit-tfal tal-iskola. Mal-wieħed u disgħin tifel u tifla ħadu sehem f’kompetizzjoni tat-tpinġija għal din il-kampanja u ntgħażlu tliet tpenġijiet għall-Piggy Banks.
Il-President ta’ Malta, Dr. George Vella appella sabiex inkomplu nsostnu l-valur tas-solidarjetà u sabiex ma nagħtux biss biex nirċievu iżda naraw li nkunu ta’ spalla ma’ kull min jiġi fil-bżonn.
Qal kif, “Ħa nkun onest mhux tant kemm kull tifel u tifla jagħti iktar sens li huma jiddeċiedu li jridu jikkontribwixxu għal Community Chest Fund dak li għalihom forsi ma tantx jfihmuh pero li xorta għada pitgħada jgħidu isma jiena dak il-fond kont ikkontribwixxejt. Din hija l-edukazzjoni li rridu nagħmlu għal dik li hija l-karità kollettiva u anonima fl-istess ħin”.
L-għan ta’ dawn il-piggy banks huwa sabiex iħeġġu li t-tfal ifaddlu l-flus fil-karus sabiex bil-flus miġbura tkun tista’ tingħata għajnuna lil min hu fil-bżonn u jirrikorri għas-sostenn tal-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Charles Azzopardi ddeskrieva l-kampanja bħala eżempju perfett ta’ kif il-ħafna jingħaqdu biex jgħinu.
Intant wara li fl-aħħar jiem kienet qed tiġi diskussa l-possibbiltà li ssir il-Fun Run f’forma ta’ mixja fil-lokalitajiet, ġie deċiż li l-edizzjoni ta’ din is-sena ma ssirx.
Dan wara diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.