Fit-tielet kwart tas-sena, is-servizzi online tal-Gvern baqgħu b’saħħithom. Dan hekk kif it-total ta’ mobile apps li tniżżlu fil-maltapps kien ta’ tlieta u sebgħin elf seba’ mija ħamsa u għoxrin darba. L-iktar app li tniżżlet kienet dik ta’ COVID Alert Malta.
Tul l-istess perjodu ġew irreġistrati iktar minn ħamsa u erbgħin elf żjara fl-għoxrin ċentru reġjonali ta’ servizz.gov wara l-għeluq tagħhom minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Din iċ-ċifra ħarġet minn statistika uffiċjali miġbura mill-aġenzija servizz.gov għat-tielet kwart tas-sena elfejn u għoxrin.
L-iktar tliet ċentri reġjonali li laqgħu persuni kienu dawk taż-Żejtun, tal-Qawra u tal-Ħamrun.
Min-naħa l-oħra, l-iktar ċentru tekniku li laqa’ persuni kien dak tat-taxxa bl-isem ta’ Taxpayer Service servizz.gov.
F’dan il-kwart tas-sena ġew irreġistrati kważi tlettax-il elf żjara.
Iċ-ċentru tal-edukazzjoni bl-isem ta’ edu servizz.gov irreġistra ftit iktar minn elfejn żjara.
B’hekk fiċ-ċentri kollha, ġew irreġistrati total ta’ wieħed u sittin elf ħames mija wieħed u disgħin żjara.
Min-naħa l-oħra Freephone 153 ma ġiex impattat mill-pandemija u baqa’ għaddej bl-operat tiegħu b’mod normali. Matul Lulju, Awwissu u Settembru wieġeb total ta’ mitejn u għaxrt elef seba’ mija u ħdax-il telefonata. L-ikbar numru ta’ mistoqsijiet daħlu fuq is-sigurtà soċjali u t-taxxa.
Is-sit servizz.gov.mt kellu mitejn erbgħa u disgħin elf erba’ mija u tmintax-il żjara online, bix-xahar ta’ Lulju kien l-aktar wieħed li ġew mibgħuta e-mails fuq servizz@gov.mt bit-total tul dawn it-tliet xhur kien ilaħħaq l-elfejn, disa’ mija u sittin ittra elettronika.