Fil-budget imressaq għas-sena d-dieħla, l-anzjani u l-persuni b’diżabiltà se jkunu min ta’ quddiem li jgawdu minn dan il-budget. Dan intqal mill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-budget għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Falzon qal kif dan id-dekasteru se jkollu nefqa rekord għas-settur soċjali, hekk kif se tiġi allokata s-somma ta’kważi żewġ biljun ewro.
Fost il-miżuri għas-sena d-dieħla li se jgawdu minnhom il-pensjonanti hemm iż-żieda ta’ ħames ewro fil-ġimgħa fil-pensjonijiet tagħhom. Il-Ministru Falzon semma’ kif dan il-gvern qed jagħti ġustizzja lil dawk li sofrew l-inġustizzji, b’din is-sena li ġejja se tkun qed tgħin lil dawk il-ħaddiema tat-tarzna li ħadmu fl-asbestos.
Il-Ministru Falzon qal kif miżura oħra soċjali hija dik li madwar għoxrin elf persuna li kienu ħallsu l-bolla meta kellhom bejn sittax u dsatax-il sena u li għal xi raġuni arkajka ma kinux jikkwalifikaw għal pensjoni, issa ser ikunu qed jirċievu l-pensjoni.
Spjega li, “Il-qasam soċjali minn dejjem kien għal qalb il-Gvernijiet Laburisti. L-eżistenza tal-Partit Laburista hija bbażata fuq il-ġustizzja soċjali. Dan kien budget rekord, fis-sens li għandek l-ikbar somma li qatt ġiet investita fil-qasam soċjali, 1.92 biljun ewro.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabiltà Silvio Parnis qal kif f’dan il-budget, madwar dsatax-il elf anzjan li għandhom fuq sebgħin sena se jkunu qed jibbenefikkaw minn tal-linja b’xejn. Miżura oħra li semma’ s-Segretarju Parlamentari Parnis hi dik li x-xufiera tat-taxis se jibbenefikaw minn għotja ta’ għaxart’elef ewro biex jeqilbu t-taxi tagħhom ħalli din tkun aċċessibli għall-persuni b’diżabiltà.
Qal li, “Dak li qegħdin nagħmlu mhux biss inħarsu lejn streteġija imma qgħdin naraw imma qegħdin naraw li verament l-anzjani tagħna nibqgħu nagħtuhom dak li jixraq li ntuwhom l-anzjani.”