Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa fiequ 110 persuni mill-Covid-19. Dan filwaqt li ġew irreġistrati 76 każ minn 3,075 test. Waqt bulettin bl-aħħar informazzjoni dwar l-imxija, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci stqarret li jidher li l-mod ta’ kif qed tinfirex l-imxija baqa’ l-istess hekk kif fl-aħħar ġimgħa l-maġġoranza tal-każijiet nibtu wara firxa fil-familji ta’ persuni li huma diġà pożittivi.
Il-Professur Gauci saħqet li huwa importanti li meta wieħed ikun pożittiv jiżola ruħu. Spjegat li fuq il-post tax-xogħol għandhom jibqgħu jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha.
Stqarret li hemm persuni li għalkemm ikunu jaħdmu ma persuni li ġew pożittivi għall-Covid-19 dawn ma jintalbux jagħmlu kwarantina minħabba li l-kuntatt ikunu wieħed minimu ħafna.
Il-maġġoranza tal-każijiet huma ta’ persuni iżgħar fl-età.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat kif in-numru ta’ testijiet qed ikompli jiżdied u dawk li jirriżultaw fil-pożittiv minn test li jagħti riżultat f’qasir żmien, magħruf bħala rapid testing, jiġu kkuntatjati fl-istess jum.
Mistoqsija minn ONE News dwar l-effettività ta’ maskri tad-drapp, il-Professur Charmaine Gauci qalet hekk.
Qalet kif, “Mir-rakomandazzjonijiet tal-għaqda dinjija tas-saħħa qed jgħid li nistgħu nilbsu jew is-surgical mask, anke l-‘cloth masks’ jistgħu jintlibsu wkoll pero importanti li l-‘cloth masks’ ikunu ‘cloth masks’ li jkunu ‘three layers’ u anke skond ma huma indikati mill-għaqda dinjija tas-saħħa. L-iktar ħaġa importanti nista’ ngħid fuq il-maskri hija li jridu jintlibsu sew.”
Il-Professur Gauci tkellmet dwar vitamini biex wieħed isaħħaħ l-immunità naturali tiegħu.
Spjegat li, “Iżjed ma aħna nżommu ruħna b’saħħitna, iżjed ma aħna nieklu ikel tajjeb, iktar aħna nkunu nistgħu niġġieldu dawn il-viruses. Hemm ukoll studji li qed jgħidu li speċifikament anke l-vitamin D qiegħda tissemma wkoll li propju tista’ tgħin biex tkompli tibnilek l-immunitá.”
Gauci spjegat li fl-aħħar jiem saru mitejn u ħames testjiet fl-ajruport u minn dawn instabu sitt każijiet pożittivi.
Appellat ukoll biex it-tfal ma jmorrux iduru bieb bieb għal ħelu waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Halloween.
Spjegat li hemm tarbija tat-twelid li hija pożittiva għall-Covid-19 li hija f’qagħda tajba u li sa issa fl-iskejjel ma kienx hemm trasmissjoni tal-virus.