F’Settembru pajjiżna reġa’ kellu l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
Dan skont statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Għar-raba’ xahar konsekuttiv Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fost id-dsatax-il stat membru fiż-Żona Ewro.
F’Settembru r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet ta’ 4.2%.
Dan ifisser tnaqqis ta’ 0.2% inqas mix-xahar ta’ qabel.
Fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kienu biss ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja li qabżu lil Malta fl-inqas rata ta’ qgħad.
Il-medja tal-qgħad fiż-Żona Ewro kienet ta’ 8.9% li jfisser iżjed mid-doppju mir-rata ta’ Malta.
L-ogħla rata ta’ qgħad kienet irreġistrata fi Spanja bi 18.7%, li jfisser iktar minn erba’ darbiet aktar mir-rata ta’ Malta.
Wara Spanja, l-ogħla rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea kienet irreġistrata fl-Italja, b’10.8%.
Jirriżulta li fuq medda ta’ erba’ xhur, f’nofs pandemija, il-qgħad f’Malta naqas b’aktar minn elf persuna.
Intant fi tweet il-Prim Ministru Robert Abela qal kif dan jikkonferma li f’Settembru Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona Ewro għar-raba’ xahar konsekuttiv.
@EU_Eurostat confirms that in September #Malta had the lowest #unemployment rate in the euro area, for the fourth month running. #Maltese striving strongly forward. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) October 30, 2020