Fil-budget għas-sena d-dieħla, is-settur turistiku se jkun qed igawdi minn budget rekord ta’ ħamsa u disgħin miljun ewro.
Dan intqal mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-budget f’dan is-settur.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif waqt il-pandemija, tmint elef ħaddiem fis-settur turistiku ħatfu l-opportunità u għamlu kors bla ħlas sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom f’dan is-settur.
Qalet kif,“Dan huwa budget illi se jkompli jibni fuq ix-xhur li għaddew. Primarjament ħadna ħsieb illi naraw li l-ħaddiema tagħna jaħtfu l-opportunitá, dawk il-ħaddiema fit-turiżmu. b’kollox kellna tmien t’elef ruħ illi ħadu korsijiet ta’ taħriġ b’xejn, investiment ta’ kważi sitt miljun ewro.”
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif is-sena d-dieħla se jkun qed jibda proċess sabiex jibdew isiru proġetti ta’ tisbiħ f’Buġibba, fil-Birgu, f’Wied il-Għajn u Wied iż-Żurrieq.
Barra minn hekk b’investiment ta’ ħamsin miljun ewro se jerġgħu jingħataw il-vouchers li qed jgħinu lil dan is-settur fejn tletin miljun ewro mistennija jgħinu lis-settur turistiku.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Promozzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista qal kif se jitkompla x-xogħol ta’ tindif li sar din is-sena, flimkien ma’ investiment f’apparat li jnaddaf il-graffiti.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista qal kif din is-sena l-Awtorità tal-Konsumatur għenet ħafna nies, speċjalment dawk li kellhom vjaġġi pjanati u li tħassru minħabba l-imxija.
Spjega li, “Issa b’dan il-budget, il-way forward ħalli nkomplu fejn ħallejna, aħna ma niefqu qatt. Il-Cleansing ikomplu u qed ninvestu f’makkinarju ġdid, il-Medicines Authority qed inħarsu lejn medical devices issa li jiġu kkontrollati bħall-mediċi u l-MCCA qed tkompli tiżvilluppa t-tekniċi tagħha biex il-konsumatur ikun aktar protett.”