Mahad Mohamed Abdiqani, Somalu ta’ 25 sena ma nstabx ħati ta’ serqa minn ħanut jew li beżża’ żewġ nisa li tista’ tintuża vjolenza kontrihom. Dan minħabba li meta wettaq ir-reat kien qed ibati minn problemi ta’ saħħa mentali.
F’Ottubru ta’ sentejn ilu huwa pprova jisraq minn ħanut fil-Ħamrun waqt li kien fil-perjodu ta’ sentenza sospiża.
Il-psikjatra rat li l-istat mentali tal-akkużat tjieb wara tliet xhur u llum huwa f’qagħda stabbli. Stqarret li huwa ma jifhimx il-bżonn li jieħu l-mediċina li kienet tingħatalu fil-ħabs u għalhekk ma baqax joħodha meta ħareġ.
Filwaqt li l-Qorti rat li huwa ma jistax jinżamm ħati tar-reati minħabba n-nuqqas ta’ kapaċita intelletwali li jifhem x’qed jagħmel, hija ordnat li jinżamm fl-isptar Monte Karmeli sakemm tliet speċjalisti jiddeċiedu li huwa f’pożizzjoni li jkun meħlus.