Jitħabbru 2 rotot ġodda waqt it-tnedija tal-iskeda Xitwija tal-Air Malta – One News

Notifiki

Jitħabbru 2 rotot ġodda waqt it-tnedija tal-iskeda Xitwija tal-Air Malta

Ġewwa l-Ajruport Nazzjonali, l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u ċ-chairperson tal-Air Malta, Dr. Charles Mangion ħabbru l-iskeda tat-titjiriet tal-Air Malta għax-xitwa li jmiss.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal kif dawn l-aħħar xhur kienu xhur ta’ sfida għal kull linja tal-ajru madwar id-dinja, iżda l-linja nazzjonali Maltija wriet reżiljenza qawwija. Żied jgħid kif il-pandemija wriet biċ-ċar l-importanza tal-linja nazzjonali tal-ajru, li kienet kruċjali għall-importazzjoni tal-vaċċin tal-influwenza u apparat mediku fost l-oħrajn. Apparti minn hekk l-Air Malta kienet responsabbli għall-wasla ta’ tlettax -il elf ċittadin Malti lura f’pajjiżna.

B’entużjażmu, il-Ministru ħabbar wieħed u għoxrin rotta madwar l-Ewropa għaż-żmien tax-xitwa, li jinkludu żewġ rotot ġodda, dik lejn Madrid u Hamburg.

Ħabbar ukoll li l-Air Malta se toffri flessibiltà fuq l-ibbukjar tat-titjiriet.

Il-Ministru Silvio Schembri żied jgħid kif il-Gvern għaddej f’diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea bil-għan li l-Air Malta tingħata għajnuna statali.

Il-Ministru Schembri stqarr, “Lestejna t-talba tagħna sabiex nippreżentawha lill-Kummissjoni Ewropea biex nitolbu l-permess biex nużaw il-fondi tagħna sabiex nassistu l-linja nazzjonali tagħna b’mod finanzjarju.”

Min-naħa tiegħu, iċ-chairperson tal-Air Malta, Dr. Charles Mangion spjega kif il-linja tal-ajru irritornat kważi sitt miljun Ewro lil passiġġieri li kellhom jikkanċellaw il-vjaġġi tagħhom minħabba l-imxijja. Żied jgħid li l-prekawzjonijiet li qed jittieħdu fuq it-titjiriet huma ħafna ogħla minn dawk ta’ linji oħra.

Dr Mangion sostna, “It-titjiriet tagħna minn mindu bdiet il-Covid mill-ewwel inizjalajna protokoll ta’ health and safety. L-arja kkundizzjonata hija koperta b’filters li jnaddfu l-arja daqs li kieku għandek operation theatre. Barra minn hekk qed nagħmlu sanitisation fuq kull titjira qabel ma titlaq minn Malta, kif ukoll meta jiġu biex jinżlu lura lejn pajjiżna.”

 Dr. Mangion spjega wkoll kif minkejja l-isfidi, l-Air Malta tinsab kunfidenti u preparata għaż-żmien li ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend