Bernard Grech jammetti li kitbulu ħafna mid-diskors tal-Budget – One News

Notifiki

Bernard Grech jammetti li kitbulu ħafna mid-diskors tal-Budget

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ammetta li partijiet mid-diskors tiegħu għall-Budget kitbuhulu grupp ta’ persuni.

Grech qal dan fuq ix-xandir nazzjonali l-Erbgħa filgħaxija u li fih tkellem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela.

B’daru mal-ħajt mistoqsi dwar id-diskors tiegħu dwar il-Budget, Grech qal li huwa ddelega x-xogħol tal-kitba tad-diskors tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ammetta, “Iva jien kelli tim ta’ persuni li jiena nafda. Tim ta’ persuni li ġew bl-għan li jgħinu lili u lill-Partit biex jiżviluppa ruħu, biex jimxi ‘il quddiem u jiena fdajthom u ddelegajt biex flimkien jiktbu partijiet tal-Budget. Magħhom umbagħad jiena rajt dak li kitbu.”

Il-Preżentatur saqsa lil Grech, “Ktibt biċċa int almenu?” u Grech wieġeb, “Jiena ktibt ukoll partijiet.”

Ammetta wkoll li hemm sħabu fil-Partit li huma esperjenzati ħafna iktar minnu.

Grech qal, “Jien qed nitgħallem ukoll minn sħabi stess li għandhom aktar esperjenza minni fil-politika.”

Dwar il-proposti għall-imxija, Grech reġa’ qabadha fuq il-kumitat ta’ sorveljanza magħmul mill-politiċi li jkun saħansitra fuq s-Supretedent tas-Saħħa Pubblika.

Hawnekk anke l-preżentatur tal-programm ġibidlu l-attenzjoni dwar l-effettività ta’ din il-proposta.

Bernard Grech qal, “Aħna għidnilhom fost oħrajn ħalli naqralek biex anke ma ndumx. Semmejt fid-diskors tiegħi jumejn ilu li jitwaqqad kumitat ta’ sorveljanza.”

Hawnhekk il-Preżentatur tal-programm irrimarka, “Imma x’tieħu bih dak il-kumitat? Għax in-nies ma ttihomx tort jaħsbu li l-kumitat joqgħod jiddiskuti u taf kif.”

Dwar dan tkellem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela sostna, “Illi propona kumitat magħmul mill-politiċi. Issa jew qed ngħidu li l-politiċi għandhom iħallu l-parti medika għall-esperti mediċi jew qed ngħidu lill-politiċi se nindaħlu f’kollox.”

Dwar il-miżura tant bżonnjuża tal-Covid Wage Supplement li ġiet estiża sa tmiem Marzu li ġej, Grech reġa’ kien negattiv u qal li b’din il-miżura l-Gvern ma skopriex l-Amerika.

Il-Preżentatur osserva,”Mhux ħafna pajjiżi għamluha din e jiġifieri!” u Grech wieġeb, “Din hija xi ħaġa li anke aħna qbilna magħha u ssuġġerejniha wkoll fil-Pre Budget Document jiġifieri hawnekk ma skoprejniex l-Amerika.”

Dwar id-defiċit f’pajjiżna riżultat ta’ għadd ta’ miżuri tal-Gvern ta’ spalla għan-negozji u l-ħaddiema, Bernard Grech qal li dan huwa daħk fil-wiċċ.

“Ikkritikajtu għax fl-aħħar tas-sena d-dieħla se jkollu deficit ta’ xi €800 miljun. Mela x’ippretendejt? Li ma jkollux deficit?”, saqsa l-preżentatur u Bernard Grech qal, “Ikkritikajt jien id-daħk fil-wiċċ.”

Għal darb’oħra, il-preżentatur spiċċa jitolbu bil-ħniena x’kien jagħmel hu.

Il-Preżentatur staqsa,”Kieku int kont Prim Ministru għax xorta ma weġibtnix għaliha din ma kontx tissellef?”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal, “Żomm daqsxejn li kieku kont Prim Ministru jien – jien mhux ħa naqa’ mis-sema llum.”

Id-diskussjoni messet ukoll il-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment u kif il-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex ikisser dan il-programm tant bżonnjuż f’dan iż-żmien diffiċli li għaddej minnu pajjiżna.

Il-Prim Ministru Abela sostna, “Ħaddieħor qed jipprova jkissrilna l-programm li bih rnexxielna nakkumulaw dik is-somma li ġiet utli ħafna anke f’dan il-perjodu tal-Covid.”

Meta mistoqsi dwar jekk jaqbilx ma’ dan il-programm jew le Bernard Grech ma weġibx.

Il-Preżentatur staqsa,”Jiġifieri inthom taqblu li għandna nbiegħu ċ-ċittadinanza għax nhar it-Tnejn fil-Parlament kważi kważi bdejt tirrabja miegħu li qed ibiegħ.” u Grech iddeċieda li jwieġeb bil-kliem, “Din hija d-differenza.”

“Imma taqablu jew ma taqblux?”, reġa’ insista l-preżentatur iżda Grech reġa’ qal, “Din hija d-differenza.”

Intant f’intervista ta’ siegħa, Bernard Grech ma felaħx ma jżerżaqx botta lejn l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia u jfakkru kemm kien Kap ħażin.

Grech sostna, “Kulħadd jaf li mill-2017 sal-2020, il-Partit Nazzjonalista baqa’ nieżel l-isfel u saħansittra l-gap bejn iż-żewġ partiti kibret ħafna kif kienet kibret ukoll il-gap bejn il-mexxejja.”

Ma setax jonqos ukoll li Bernard Grech jerġa’ jitkellem dwar il-fatt li hu kien qal li jistħi jgħid li hu Malti.

Għal darb’oħra, l-Erbgħa filgħaxija tenna x’kien qal.

“Iva kont qed nagħżel li ma ngħidilhomx li jiena minn Malta meta jsaqsuni jekk inhiex Grieg jew le. Dak huwa l-kuntest.”, qal Grech.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend