Minn nhar il-Ħamis li ġej il-bars u l-każini kollha għandhom jibqgħu magħluqin.
Dan ħabbritu stqarrija maħruġa mill-Gvern fejn spjegat li din l-miżura se tibqa’ tgħodd sal-ewwel ta’ Diċembru li ġej.
L-isnack bars u l-gabbani jistgħu jibqgħu miftuħin, madanakollu ma jistgħux jipprovdu, joffru jew ibigħu kwalunkwe tip xorb alkoħoliku lill-klijenti u għandhom jagħlqu bejn il-ħdax ta’ bil-lejl u l-ħamsa tal-għada filgħodu.
Minn nhar il-Ħamis ukoll, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi grupp fi spazji pubbliċi se jonqos minn għaxar persuni għal sitt persuni.
Dan ifisser li fi spazji pubbliċi, gruppi ta’ aktar minn sitt persuni huma projbiti inklużi fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom. Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.
Il-multa għal min ma josservax din il-mizura ser tiżdied għal mitejn ewro, iżda jekk il-penali tiġi mħallsa qabel ma jibdew il-proċeduri quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja, il-multa titnaqqas għal mitt ewro.
L-istqarrija spjegat li dawn il-miżuri qed jidħlu fis-seħħ wara konsultazzjoni mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija.