Għall-konferenza tal-aħbarijiet li l-Partit Nazzjonalista organizza wara d-diskors ta’ Bernard Grech fil-Parlament dwar il-budget, il-midja kienet mistiedna sabiex issegwi din l-konferenza minn fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista u l-mezzi soċjali tal-istess partit.
F’email li l-Partit Nazzjonalista bagħat lil ONE News, il-partit immexxi minn Bernard Grech naqas milli jistieden lil ONE News biex ikun preżenti biex jagħmel il-mistoqsijiet.
Dan jista’ jkun li kien il-każ għal midja oħra wkoll hekk kif kienu tliet ġurnalisti biss li dehru jsaqsu l-mistoqsijiet lill-Kap tal-Oppożizzjoni f’indirizz li għamel barra l-Parlament wara li qara diskors ta’ sagħtejn dwar il-budget.
Wieħed mit-tliet ġurnalisti li għamel il-mistoqsijiet lil Grech kien tal-midja Nazzjonalista stess.
ONE News qed jippubblika l-korrispondenza mibgħuta lilu mill-Partit Nazzjonalista fejn tagħrfu biex isegwi l-konferenza tal-aħbarijiet minn fuq it-televiżjoni.
Din mhiex l-ewwel darba li Bernard Grech ħarab il-mistoqsijiet ta’ ONE News.
Qabel sar Kap, fil-kampanja għat-tmexxija Nazzjonalista, saħansitra bodyguards ta’ Bernard Grech imblukkaw u imbuttaw lill-ġurnalist ta’ ONE News.
Dwar dan il-każ, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kien saħaq li l-ġurnalist m’għandux jiġi mblukat.
Ftit wara li ħa l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech spiċċa wkoll ħarab mill-mistoqsijiet ta’ ONE News u ddeċieda li ma jweġibx biss il-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon.