Kwart ta’ seklu wara dan l-omiċidju li ħasad pajjiż, ONE News tkellem mal-eks Direttur tal-Forensika fil-Korp tal-Pulizija, Dr. Anthony Abela Medici, li dakinhar kien fuq ix-xena tad-delitt barra lukanda f’Tas-Sliema.
Qal kif, “Kif wasalna fuq il-post quddiem id-Diplomat kien hemm bniedem mejjet fl-art. Il-pulizija kien ġa għamlu t-taperings biex ma jidħlux in-nies in between u bdejna ninvestigaw. Waqt li qed ninvestigaw lil din il-persuna fl-art kellu sitt tiri ġo rasu, kollha fuq wara.”
Dr. Abela Medici qal magħna kif waqt li kienu qegħdin jiċċekkjaw ill-feriti sabu li l-vittma kien liebes parrokka, bid-daqqiet kollha tal-balal dehru minn ġo fiha.
Spjega li, “X’ħin qed niċċekkjalu l-bwiet tiegħu, sibna ċavetta tad-Diplomat number 606. Dak il-ħin għedt lill-Kummissarju tal-Pulizija li sibna din iċ-ċavetta. X’ħin tlajna, wara li tlajt fuq il-Kummissarju kien daħal fil-kamra kien sab suitcase Samsonite, mingħalija kienet close to brown jew red u x’ħin ftaħna l-bagalja kellu l-passaporti hemmhekk u l-passaport kien jidher fuq Dr. Ali Shawesh.”
Dr. Abela Medici qal li l-investigaturi mal-ewwel indunaw li l-mejjet kien xi ħadd importanti.
Qal li, “Sibna ritratti tiegħu ma’ Gaddafi fit-tinda. Kellu ritratti tiegħu qed jitolbu flimkien. So allura kien jidher ċar li dan Shawesh, kif konna nafuh dak il-ħin. Kien bniedem importanti ħafna biex kellu laqgħat ma’ Gaddafi.”
Dettalji tal-investigazzjoni jgħidu li żewġ persuni li kienu fuq mutur tat-tip Yamaha għaddew mix-Xatt ta’ Tas-Sliema, għaddew viċin Shaqaqi u sparawlu.
L-espert forensiku qal kif il-moħħ wara dan il-qtil kien xi ħadd barrani u anke semma’ x’aktarx liema kienet l-id barranija.
Qal li, “Kienet tidher ċara allura li kien hemm assassinju minn pajjiż barrani, mhux Maltin. L-indikazzjonijiet kollha kienu juru li kienet il-Mossad, is-secret service Iżraeljana.”
Ftit jiem wara d-delitt, il-pulizija Maltija ġiet mgħarfa mill-Interpol li Ibrahim Ali Shawesh kien ħadd ħlief Fathi Shaqaqi.
Ta’ min jgħid ukoll li fl-istess sena, il-grupp tal-Ġiħad Iżlamiku immexxi minn Shaqaqi kien responsabbli għal qtil ta’ għadd ta’ persuni li nqatlu f’żewġ attakki suwiċida fuq karozzi tal-linja f’Iżrael.
Dr. Abela Medici spjega magħna kif l-investigaturi taw kas anki l-mutur li ntuża fil-qtil.
Sostna li, “Probabilment dan il-mutur ma nstaqx across Europe biex ġabuh Malta imma ġabuh via vapuri. Probabbilment minn Marsilja għal Greċja, mill-Greċja għall-Italja l-parti t’isfel u imbagħad kull ma nstaq fuq il-vapur għal fuq il-ferry boat ta’ Malta, ġabuh Malta u ggarraxjawh.”
Fl-investigazzjonijiet tagħha l-pulizija sabet li l-fjuwil fil-mutur kien minn Spanja.
L-espert forensiku jisħaq li f’dan id-delitt kollox kien pjanat.
Tenna li, “Id-differenza kienet li tidher ċar li kien assassinju speċifiku, to the point, well planned għal kollox min għamilha. Kien jidher ċar li kienu professional people.”
Dawn dan il-każ, kwart ta’ seklu wara ħadd għadu ma ġie akkużat bl-involviment ta’ dan il-qtil.
Għal-Lhud u d-dinja tal-Punent, Shaqaqi kien terrorist, għall-Palestinjani u l-Għarab, kien eroj li miet martri għall-kawża Palestinjana.