Il-President ta’ Malta George Vella appella sabiex l-awtoritajiet, l-iżviluppaturi, l-industrija u l-akkademiċi jiġbdu ħabel wieħed fl-interess ewlieni tal-wirt naturali ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li ħeġġeġ sabiex l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent, l-ERA tkun aktar viġilanti u tipproteġi bl-aħjar mod il-wirt ambjentali li fadlilna.
Dr George Vella irrimarka għal dan waqt ċerimonja annwali tal-għoti tal-Premju Buonamico, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Liema premju ġie introdott mill-ERA stess sabiex jingħata rikonoxximent lil individwi li jagħtu kontribut għall-ħarsien tal-wirt naturali tal-gżejjer Maltin.
Qal li, “L-aġir tagħna fil-ħajja ta’ kuljum – dak li nieklu, li nixtru, li narmu, u l-mezzi ta’ trasport li nagħżlu, iħallu effett daqs kemm iħallu proġetti industrijali kbar. Irridu nfakkru li, sabiex tindaf l-arja, jitnaqqas it-tibdil drastiku fil-klima, jiġu protetti l-flora u l-fawna u l-oċeani, aħna, ilkoll kemm aħna, responsabbli”.
Appella sabiex nkunu konxji ta’ għemilna filwaqt li dak li nindukraw se jibqa’ jagħti l-frott u jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lilna u lil dawk li ġejjin warajna.
Il-President semma kif l-edukazzjoni u l-għarfien huma ċ-ċavetta għal soċjetà aktar infurmata.
Il-President feraħ liż-żewġ rebbieħa ta’ din is-sena tal-Premju Buonamico li huma Jennifer Fiorentino li hija studjuża tal-likeni u Alfred Micallef li hu edukatur tal-ħidma tagħhom u ta’ dan il-premju mistħoqq.