Erba’ immigranti, tlieta mill-Marokk u wieħed mill-Alġerija, ġew arrestati wara li fil-ġimgħat li għaddew ħarbu minn ċentri ta’ detenzjoni.
Huma nqabdu l-Ħadd waranofsinhar, wara ħidma konġunta bejn diversi taqsimiet tal-Pulizija.
Fi stqarrija kien spjegat li l-Pulizija iċċirkondaw dar fi Triq il-Kappillan Mifsud, il-Ħamrun, wara informazzjoni li xi immigranti kienu qegħdin jistaħbew fiha.
L-operazzjoni tmexxiet mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, tal-Immigrazzjoni u tad-Distrett tal-Ħamrun.
L-erba’ immigranti tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia akkużati li ħarbu minn post ta’ detenzjoni. Tnejn minnhom ġew akkużati wkoll li kissru il-paċi pubblika u li kienu xurbana fil-pubbliku.
Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Michael Vella u Doriette Cuschieri.