Raġel ta’ 34 sena minn Bormla nżamm arrestat wara li allegatament kien qed jittraffika d-droga fid-daħla tal-Belt waqt li jgħid li qed ibiegħ il-kotba.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija ilha ssegwi lill-akkużat u raġel ieħor. Fuq l-imputat instabu tliet qratas b’sustanza eroina fil-kartiera, filwaqt li fil-vann tiegħu nstabu wieħed u għoxrin qartas b’sustanza eroina.
L-avukat tal-għajnuna legali Graziella Tanti talbet għall-ħelsien mill-arrest minħabba li r-raġel għandu residenza fissa, iżda l-Prosekuzzjoni ma qablitx minħabba l-ammont kbir li nstab ta’ drogi.
Ir-raġel li jinsab f’siġġu tar-roti wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Maġistrat Gabriella Vella ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u talbet lid-direttur tal-ħabs biex jingħata l-attenzjoni meħtieġa minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu.