Notifiki

It-Times tinnota l-konvenjenza politika ta’ Metsola li qabżet għall-Gvern Bulgaru fuq korruzzjoni

It-Times kitbet dwar il-mod kif l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qed tuża s-saltna tad-dritt fejn jaqbel lilha, b’konvenjenza politika.

L-editorjal tat-Times bit-titlu, “Solidarity not political convenience”, jgħid li Roberta Metsola u l-Ewroparlamentari Nazzjonalist ieħor David Casa, vvutaw kontra riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt fil-Bulgarija.

F’dan il-pajjiż ilhom ix-xhur għaddejjin protesti kontra l-Prim Ministru tal-pajjiż Boyko Borissov li bħalissa jinsab investigat fi Spanja, dwar ħasil ta’ flus.

L-editur tat-Times qal li Metsola, li miċ-ċittadini Bulgari ngħatat it-titlu ta’ Mrs. Mafia, ressqet emenda biex tbenġielha fir-riżoluzzjoni dwar il-Bulgarija.

It-Times qalet li dan ġara għaliex il-Gvern Bulgaru, meqjus korrott mid-dimostranti li qed jipprotestaw b’mod paċifiku, huwa mmexxi mill-partit ta’ Borissov li huwa msieħeb fil-Partit Popolari Ewropew, l-istess familja li fiha jinsab imsieħeb il-Partit Nazzjonalista.

Il-gazzetta The Times sostniet li b’xorti tajba l-emenda li riedet tressaq Metsola ma għaddietx.

Fil-fatt ċittadini Bulgari qalu li Metsola pruvat tgħaddi emenda meqjusa skanduluża li tgħid li dawk li ħarġu jipprotestaw fil-Bulgarija huma ffinanzjati mill-mafja.

It-Times kwota l-kelliem ta’ Metsola biex din tispjega l-atteġjament tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista li ssawwat lil Malta fuq is-saltna tad-dritt iżda imbagħad tiddefendi lil Bulgarija fuq l-istess saltna tad-dritt.

Il-kelliem ta’ Metsola qal mat-Times li l-Ewroparlamentari Nazzjonalista dejjem titkellem dwar il-ħarsien tas-saltna tad-dritt imma ma setgħetx tivvota favur riżoluzzjoni dwar il-Bulgarija li skontha ttappan il-kredibilità tal-Parlament Ewropew meta għaddejjin ċertu diskussjonijiet.

Għal dan kollu, it-Times qalet li wieħed ma jistax jiddefendi b’ċertu tqanqil is-saltna tad-dritt f’pajjiżu iżda imbagħad mhux f’pajjiż ieħor għax għaddejjin id-diskussjonijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend