Il-PM Robert Abela jinawgura l-mini l-ġodda taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija – One News

Notifiki

Il-PM Robert Abela jinawgura l-mini l-ġodda taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-ftuħ tal-mini l-ġodda ta’ taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija.

Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa filgħodu li mmarkat t-tlestija ta’ proġett li jikkumplimenta dak tal-Marsa Junction.

Permezz ta’ dan il-proġett issa hemm konnessjoni diretta bejn Vjal Santa Luċija ma’ Triq Tal-Barrani, tul ir-rotta ewlenija lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u b’hekk tnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar b’aktar minn 30%.

Il-Prim Ministru qal: “Dan huwa proġett li direttament tista’ tħoss l-importanza tiegħu u kemm se jtejjeb mhux biss kemm itejjeb il-kwalità tal-arja, dik hija importanti. Il-miri ambjentali huma prijorità għal dan il-Gvern, tiffranka l-ħin biex tivvjaġġa, tiffranka l-fjuwil biex tivvjaġġa, lir-residenti tal-madwar jistgħu joħorġu mid-dar u jmorru lejn id-destinazzjoni tagħhom f’anqas ħin.”

Dwar dan il-proġett li nbeda fis-Sajf tal-2019, dan l-istazzjon tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, l-Inġinier, Fredrick Azzopardi.

Huwa spjega kif l-kuntratturi tal-proġett qattgħu aktar minn 80,000 tunnellata ta’ blat biex iffurmaw iż-żewġ mini, twal 90 metru l-waħda.

Dan sabiex imbagħad inbnew il-ħitan tal-ġnub tagħhom billi twaqqfu 398 panew tal-konkos għoljin. Fl-istess waqt, il-ħaddiema ffurmaw ukoll żewġ rampi ta’ 130 metru li jgħaqqdu Vjal Santa Luċija u Triq Tal-Barrani mal-mini, kif ukoll erba’ tlajja’ u nżul li se jwasslu għar-roundabout ġdida fuq l-istess mini.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Infrastruttura Malta lestiet il-bini tal-istruttura tas-saqaf tal-mini b’tunnellati ta’ konkos mifruxin fuq pjattaforma ta’ 176 planka tal-predall imwieżna fuq 46 travu tal-konkos.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi stqarr: “Illum min irid jivvjaġġa lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż m’għandux għalfejn aktar jieqaf mar-roundabout magħrufa bħala r-roundabout ta’ Santa Luċija imma jibqa’ għaddej minn taħtha u għalhekk filwaqt li ħa tkun qed twaqqaf mil-ħin tal-ivvjaġġar  imma aktar minn hekk qed inaqqsu bil-kbir l-emmissjonijiet fl-iħawi ta’ Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid.”

Waqt l-indirizz tiegħu f’din il-konferenza, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg sostna d-deċiżjoni għaqlija li dan il-proġett sar fl-istess żmien li kien qed isir tal-Marsa Junction.

B’hekk issa malli jitlesta l-proġett tal-Marsa Junction dawk kollha li jitilgħu lejn Santa Luċija ser isibu toroq mexxejja permezz ta’ dan il-proġett.

Huwa rrimarka wkoll kif it-tnaqqis ta’ ħin drastiku fi vjaġġar ser jissarraf f’aktar ħin tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin mal-familji tagħhom.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi rrimarka l-ħidma sfieqa ta’ dan il-Gvern sabiex ikompli jattira l-fondi Ewropej.

Fondi li ntużaw sabiex isostnu dan il-proġett infrastrutturali massiċċ għan-naħa t’isfel ta’ Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Lanqas biss joħolmuhom dawn il-proġetti ma kienu wistin gatt u l-pn!! Xi dwejjaq ta’ gvern kienu!! Biex jagħmel pipi’ biss kien tajjeb!!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend