Il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri arrestat raġel ta’ 46 sena wara li hu ġie identifikat bħala l-aggressur li wettaq serqa minn residenza ta’ anzjan ta’ 95 sena fil-Ħamrun.
Nhar it-18 t’Ottubru, 2020, fl-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa fi Triq Qrejten.
Mill-ewwel stħarriġ, irriżulta li raġel ħabbat il-bieb tar-residenza u preżenta ruħu bħala persuna li ġiet inkarigata tiġbor xi flus. Huwa daħal ġewwa u kif l-anzjan kien qed itih il-flus, ħataflu l-basket u ħarab.
L-investigazzjonijiet baqgħu għaddejin u lbieraħ, ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana, għal aktar investigazzjonjiet.
Ir-raġel ta’ 46 sena mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu (1100hrs) quddiem il-Maġistrat, Dr Nadine Lia LL.D, b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, fost oħrajn.