It-taqsima tal-forensika fil-Korp tal-Pulizija qed tissaħħaħ b’iktar taħriġ hekk kif iktar minn 40 membru minn klassifikazzjoni ta’ Kunstistabbli sa klassifikazzjoni ta’ Spettur segwew korsijiet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jżommu aġġornati mal-aħħar avvanzi fis-settur. Fl-aħħar erba’ snin biss intefqu €250,000 għal dan il-għan.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt kors ieħor li qed jiġi organizzat mill-Malta Laboratories Network f’kollaborazzjoni man-National Accreditation Board u l-Korp tal-Pulizija. Il-kors kien indirizzat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista.
Il-Ministru Camilleri spjega kif il-forensika hija meqjusa bħala pedament fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiż demokratiku u għalhekk ukoll il-Korp tal-Pulizija jieħu l-miżuri meħtieġa biex isaħħaħ din it-taqsima. L-inizjattivi li ttieħdu waslu biex il-European Network of Forensic Science Institutes aċċettat lill-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija ta’ Malta bħala membru filwaqt li l-laboratorju qiegħed jikkollabora ma’ entitajiet oħra bħal Università ta’ Malta. Il-Ministru Camilleri qal li beda l-proċess biex il-laboratorju forensiku jibda jopera minn binja ġdida li tkun aktar adattata skont is-servizzi offruti.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista stqarr li l-Malta Laboratories Network huwa impenjat li jappoġġja u jassisti lill-professjonisti forensiċi tagħna biex iżommu l-eċċellenza skond standards Ewropej.
Fil-messaġġ tagħha, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li, ix- xogħol utli li sar matul l-aħħar xhur, se jwassal biex niżviluppaw ċentru ta’ eċċellenza fix-xjenza forensika li jagħmel ġieħ lil pajjiżna. Qalet li x-xjenza forensika ma jagħmilhiex biss il-bini, l-apparat u l-post, iżda tinbena biss fuq sisien sodi jekk dawk kollha li jipparteċipaw ikunu jistgħu jitħarrġu bl-aqwa mezzi u li kollox ikun akkreditat.