“L-ebda recordings mhuma moħbija” – l-Ispettur Arnaud waqt il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech – One News

Notifiki

“L-ebda recordings mhuma moħbija” – l-Ispettur Arnaud waqt il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech

L-Ispettur Keith Arnaud stqarr li l-ebda recording b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mhu moħbi. Dan hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ispettur Keith Arnaud stqarr li din tat-tapes moħbija hija diska skaduta hekk kif m’hemm l-ebda tapes moħbija, speċjalment jekk spiċċaw f’idejhom stess bħala difiża. Stqarr li kienu l-esperti tal-Qorti u l-Europol li ġabru l-informazzjoni mir-recordings. Stqarr li l-pulizija minn dejjem setgħu ikellmu lix-xhud.

Dan hekk kif id-Difiża qalet li Melvin Theuma qal anke fl-istqarrijiet li huwa xtara l-proklama u għalhekk ix-xhieda tiegħu hija mixtrija. Allega li l-prosekuzzjoni qed tkellem lix-xhieda u jgħidulu x’għandu jgħid.  Qal li f’ħin minnhom Melvin Theuma prova jgħid lil Edgar Brincat magħruf bħala l-Ġojja li kellu t-tapes u l-pulizija pruvat twaqqfu u qaltlu li hu tahom lil Fenech.

Stqarr li hemm recordings oħra li mhux jiġu preżentati u hawnhekk stqarr li ma’ jistax ikollu serħan il-moħħ li m’hemmx evidenza li qed tinżamm milli tiġi preżentata.

Hawnhekk il-Prosekuzzjoni talbet sabiex id-Difiża tikkjarifika għal liema evidenza qiegħed jirreferi.

Hawnhekk id-Difiża stqarret li l-Prosekuzzjoni għandha d-dover skond il-liġi li tippreżenta kull evidenza, kemm favur u dik kontra l-imputat. Dan filwaqt li nnota li l-akkużat għadu qed jinżamm arrestat meta huwa preżunt innoċenti.

L-Avukat Charles Mercieca, li qed jidher għal Fenech qal li hemm recordings li fihom il-Ġojja jgħid lil Theuma biex ipoġġi l-kliem f’ħalq Yorgen Fenech u biex jirreferi għalih bħala il-mandant fil-qtil.

L-Ispettur Arnaud stqarr li fil-pussess ta’ Melvin Theuma m’hemm l-ebda recording bejn Theuma u Tonna.

L-Ispettur Keith Arnaud tela’ fuq il-pedana tax-xhieda u ppreżenta sitt DVD’s bl-interrogazzjonijiet ta’ Melvin Theuma meħuda f’Novembru tal-2019.

Id-Difiża staqsiet dwar l-interrogazzjonijiet li Keith Arnaud għamel lil Johann Cremona.  L-ispettur Arnaud stqarr li huwa jemmen li fir-recordings ta’ Melvin Theuma jinstema’ leħen Yorgen Fenech.

Il-Qorti ordnat lill-prosekuzzjoni sabiex tippreżenta nota fejn għall-ispeditezza tal-Qorti, tindika l-partijiet tar-recordings fejn fil-fehma tagħha jirreferu għal reati oħrajn li huma estranji għall-imputat. Stqarret li madankollu ser ikun espert tal-Qorti li jagħmel il-kopji finali.

Id-Difiża talbet sabiex dawk li jipprovdu s-servizzi tat-telefonija, iżommu l-informazzjoni kollha tal-persuni involuti fil-każ sabiex din ma tintilifx.

L-Avukat tal-parte civile, Dr. Jason Azzopardi stqarr li din hija ‘fishing expedition’.

Stqarr li fil-lista hemm ukoll avukat. Qal li hija illegali li tinżamm din it-tip ta’ informazzjoni bla ebda kriterji li jiddentifikaw ġurnata jew post.

Id-Difiża stqarret li din mhux ‘fishing expedition’. Hawnhekk stieden lil Dr. Jason Azzopardi sabiex jirreġistra dawn id-dikjarazzjonijiet u jgħid li qed joġġezzjona sabiex jiddefendi terzi persuni u lill-uffiċjal tal-prosekuzzjoni li din l-informazzjoni m’għandux.

Il-Qorti stqarret li t-talba trid issir iktar speċifika u ma tistax tkun daqshekk ġenerali minħabba raġunijiet ta’ privatezza.

Id-Difiża talbet aġġornament dwar is-saħħa ta’ Melvin Theuma. Il-Qorti stqarret li hemm tliet esperti diġà maħtura biex jagħmlu rapport dwar l-istat ta’ saħħet Theuma.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend