L-anzjani jibqgħu prijorità assoluta għal dan il-Gvern – Il-Veterani Laburisti – One News

Notifiki

L-anzjani jibqgħu prijorità assoluta għal dan il-Gvern – Il-Veterani Laburisti

L-istennija għaddiet, il-budget inqara u r-reazzjoni ġenerali hija waħda pożittiva.

Fost dawk li ħarsu b’pożittività lejn dan il-budget huma l-anzjani, li għas-sitt darba qed jingħataw żieda finanzjarja sostanzjali fil-ġimgħa, biex minn żmien meta l-anzjani lanqas biss kienu jieħdu ż-żieda kollha tal-għoli tal-ħajja, issa mhux talli qed jieħdu din iż-żieda imma wkoll żieda sostanzjali oħra fil-pensjoni, li f’dawn l-aħħar sitt snin laħħqet aktar minn sbatax-il ewro fil-ġimgħa.

Il-Veterani Laburisti nnotaw li minn din iż-żieda mhux ser igawdu biss dawk li jirċievu l-pensjoni tal-irtirar imma anki dawk li jirċievu l-pensjoni tar-romol u tal-invalidità.

Fi stqarrija Veterani Laburisti sostnew li biex il-Gvern ma jagħtix b’id waħda u jieħu bl-oħra, se jiżdied is-ceiling tat-taxxa biex iż-żieda li ngħatat tkun ħielsa mit-taxxa.

Ma’ din l-għajnuna finanzjarja diretta, il-Gvern qed jgħin lill-anzjani indirettament billi:

  • Se jiżdied is-sussidju b’€700 għall-anzjani li jimpjegaw persuna biex tieħu ħsiebhom biex issa dan is-sussidju tela’ għal €6,000 fis-sena,
  • Se titwessa’ l-faxxa ta’ persuni li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċju tal-carer,
  • Dawk li għandhom aktar minn sebgħin sena ma jħallsux għas-servizz ta’ trasport pubbliku.

Ma’ dawn, wieħed irid iżid servizzi f’diversi oqsma li se jgawdu minnhom l-anzjani, bħal:

  • Żieda fin-numru ta’ sodod għall-anzjani fid-djar tal-anzjani,
  • Żieda ta’ ċentri għall-anzjanità attiva kemm ta’ matul il-ġurnata u matul il-lejl,
  • Se jidħlu fis-seħħ l-istandards soċjali regolatorji għas-servizz ta’ kura għall-anzjani,
  • Se jissaħħaħ it-tagħlim speċjalizzat fuq il-kura għall-anzjani għal min irid jaħdem f’dan il-qasam,
  • Ħruġ ta’ bonds għal dawk il-pensjonanti li jkunu jridu jinvestu flushom fis-sigurtà u b’rati ta’ imgħaxx vantaġġjużi.

Veterani Laburisti saħqu li dan kollu flimkien ma’ servizzi ta’ saħħa b’xejn u mediċini b’xejn għal dawk li għandhom bżonn. Mediċini li m’għandhomx ikunu out of stock kif kien jiġri fl-imgħoddi.

Dawn huma l-fatti, li juru li Gvern Laburista jaħseb fl-anzjani bil-fatti u mhux bil-kliem.

Il-Veterani Laburistiingħaqdu mal-eluf kbar ta’ anzjani Maltin u Għawdxin biex jifirħu għall-aqwa budget fl-istorja ta’ pajjiżna, u rringrazzjaw lill-Gvern Laburista li dejjem poġġihom fuq quddiem fil-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend