BIL-FILMAT: “Qed naħdmu biex inkunu fuq quddiem li niksbu l-vaċċin għall-Covid-19 meta dan ikun disponibbli” – il-PM – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: “Qed naħdmu biex inkunu fuq quddiem li niksbu l-vaċċin għall-Covid-19 meta dan ikun disponibbli” – il-PM

Fis-seduta tat-Tlieta filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela għamel Stqarrija Ministerjali dwar is-Summit tal-Kunsill Ewropew li attenda għalih flimkien mal-mexxejja Ewropej tal-istati membri oħra, il-ġimgħa l-oħra.

Wara l-interventi tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fuq livell Ewropew, pajjiżna qabel li meta l-vaċċin għall-Covid-19 ikun disponibbli, Malta tkun fuq quddiem nett li tikseb dan il-vaċċin.

Il-Prim Ministru qal li dik id-data dejjem qed toqrob, kif qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fil-jum tat-Tlieta u fil-jiem ta’ qabel.

Huwa stqarr: “Li qbilna żgur fuq livell Ewropew, Sur President hu li pajjiżna huwa fuq quddiem nett biex malli jkun hemm il-vaċċin disponibbli, nkunu minn tal-ewwel li jkollna dan il-vaċċin u dik id-data qed dejjem toqrob kif semma d-Deputat Prim Ministru. Jalla ma nafx kemm qed tieħdu pjaċir li jalla jkollna l-vaċċin possibbli daqt. Ma tantx qed narakom qed tieħdu pjaċir.”

Dr. Abela qal li fuq livell Ewropew id-diskussjoni dwar l-imxija mhiex politiċizzata u rrefera għal kumitat ta’ sitt deputati Nazzjonalisti dwar il-Covid-19.

Il-Prim Ministru Abela stqarr: “Dwar x’garanzija tajna jew x’garanzija taw il-mexxejja Ewropej, x’garanzija tajna aħna lill-Ewropa li se nwaqqfu l-imxija tal-Covid. Tajthom garanzija, Sur President. Għedtilhom li għandna kumitat hawnhekk. Għandna lil Clyde Puli fuqu li qiegħed wieħed mill-membri u tahom ħafna serħan il-moħħ. Allaħares f’livell Ewropew naqgħu f’din il-pwerilità tad-diskussjoni Sur President. Fuq livell Ewropew id-diskussjoni mhiex politiċizzata.”

Il-Prim Ministru staqsa lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, x’kien jagħmel differenti dwar l-imxija, minn dak li għamel il-Gvern: “X’kontu tagħmlu differenti li kien jiggarantixxi eżitu aħjar minn dak li kellu dan il-Gvern, m’għedtux. Ara Onor. Bernard Grech issa meta nlesti kompli aqra dak li kitbulek.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni u saħaq li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti, hija ċara, dik li ma nifilħux għall-piż u spjega kif fl-aħħar xhur saru passi ta’ ġgant fejn ġew imrażżna l-wasliet.

Qal li mal-Ewropej irridu nieħdu pożizzjoni iebsa.

Il-Prim Ministru qal li għal kuntrarju ta’ ħaddieħor, meta jkun Brussell jutilizza kull minuta favur pajjiżna.

Dr. Abela sostna: “Meta nkunu Brussell aħna, nutilizzaw kull minuta biex naħdmu għal dan il-pajjiż, mhux biex ngħidu kontrih, mhux biex kif tagħmel il-ħabiba tiegħek illi tmur issawwat lil pajjiżna fuq l-IIP u tiddefendi l-Bulgarija. Fuq is-saltna tad-dritt isawtu lil pajjiżna u jiddefendu l-Bulgarija għax Malta mhix Borissov Sur President. Borissov aqwa minn Malta imma jien kburi li jien Malti u fejn għandi pożizzjoni inkun konsistenti fiha.”

Intant fl-indirizz tiegħu fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela semma kif l-Ewropa qed tħares li jkollha lill-Afrika bħala sieħeb biex l-Afrikani jkollhom futur fl-Afrika stess.

Semma l-proposta tal-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji li l-Libja tkun opportunità għall-investiment għall-intrapriżi u n-negozji.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni ta’ BREXIT hekk kif irid jintlaħaq ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea wara l-għeluq tal-ftehim tranżitorju.

Tenna l-pożizzjoni ta’ Malta li jintlaħaq ftehim jew le, huwa importanti li l-Ewropa tara lir-Renju Unit bħala sieħeb strateġiku u l-inqas ħaġa li għandna bżonn huwa konfront ma’ dan il-pajjiż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend