Approvati żewġ rapporti li ħadmet fuqhom l-MPE Josianne Cutajar – One News

Notifiki

Approvati żewġ rapporti li ħadmet fuqhom l-MPE Josianne Cutajar

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar esprimiet is-sodisfazzjon tagħha wara li l-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza b’saħħitha żewġ rapporti diġitali li ħadmet fuqhom direttament.

Fit-tieni seduta plenarja t’Ottubru, il-Parlament Ewropew ivvota favur rapport dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u rapport ieħor dwar reġim ta’ responsabbiltà ċivili b’rabta ma’ prodotti li jinkludu l-intelliġenza artifiċjali.

Dr Cutajar li nnegozjat iż-żewġ dossjers f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, iddeskriviet iż-żewġ voti pożittivi bħala pass importanti biex nirresponsabilizzaw is-suq diġitali.

“Fl-aħħar xhur tkellimna ħafna dwar kif l-Ewropa jeħtieġ li tikseb awtonomija teknoloġika. Jiena nemmen li nistgħu naslu biss jekk ngħollu l-istandards globali permezz ta’ regolazzjoni għaqlija. Iż-żewġ rapporti huma passi għaqlin f’dik id-direzzjoni u se jwasslu għal suq diġitali aktar responsabbli,” sostniet Josianne Cutajar.

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali huwa intiż biex jipproteġi aħjar lill-konsumaturi fuq pjattaformi diġitali billi jżid ir-responsabbiltajiet fuq il-pjattaformi, fost oħrajn, billi jkunu obbligati li jivverifikaw l-identità ta’ min jipprovdi servizz fuqhom. Ir-rapport jitlob ukoll li jkun hemm regoli ċari fuq il-pjattaformi biex jieħdu azzjoni fuq kontenut illegali.

Ir-rapport jesiġi trasparenza fis-servizz personalizzat li joffru l-pjattaformi diġitali filwaqt li jsejjaħ għal skambju ta’ data li tiġi ġġenerata l-ħin kollu biex tiddgħajjef l-ħakma ta’ kumpaniji ġganteski fis-suq, li toħnoq intrapriżi żgħar Ewropej, inkluż minn pajjiżna.

Cutajar fissret kif ir-regolazzjoni li jrid il-Parlament Ewropew tirrikonoxxi n-natura diġitali tal-pjattaformi filwaqt li tnaqqas mill-impatt negattiv li ħallew fuq swieq tradizzjonali l-aktar fil-qasam tat-trasport u l-kirjiet turistiċi. “B’aktar tagħrif preċiż f’idejhom, l-awtoritajiet pubbliċi fl-ibliet u r-reġjuni Ewropej se jkunu jistgħu jibnu politiki aktar relevanti u jtejbu l-infurzar,” qalet l-Ewroparlamentari.

It-tieni rapport iwitti t-triq għall-Kummissjoni Ewropea biex tistabilixxi reġim li skontu tintrefa’ r-responsabbiltà ċivili fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali, bħal meta jkun hemm danni kkawżati minn vetturi awtomatizzati.

Cutajar qalet li liġi bħal din tkompli tagħti ċertezza legali u ssaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fi prodotti li jaħdmu bl-AI biex b’hekk jikber is-suq Ewropew għal dawn il-prodotti.

Fil-ħidma tagħha fil-kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu b’rabta ma’ dan ir-rapport, hija enfasizzat il-ħtieġa li f’kull każ fejn jiġu kkawżati d-danni, anke minn prodotti awtomatizzati, għandha tkun persuna li terfa’ r-responsabbiltà aħħarija. Dan jista’ jsir billi prodotti kkunsidrati li jġorru magħhom riskju għoli, inkluż vetturi privati u tat-trasport tal-massa, jiġu mgħammra b’teknoloġija li tirrekordja kull deċiżjoni meħuda fl-iżvilupp u l-programmazzjoni tal-prodott anke wara li jkun fil-pussess tas-sid.

“Biex ikun hemm suq, min se jixtri jrid ikollu garanzija li hemm rimedju f’każ li jisfa vittma,” temmet tgħid Josianne Cutajar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *