It-tema tas-servizzi diġitali fi ħdan l-Unjoni Ewropea kienet it-tema diskussa waqt it-tieni sessjoni plenarja fix-xahar ta’ Ottubru. Waqt din is-sessjoni l-Membri Parlamentari Ewropej Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar taw rendikont tal-ħidma li għaddejja bħalissa relatata mas-servizzi diġitali u l-intelliġenza artifiċjali.
Il-membru parlamentari Ewropew Agius Saliba semma kif kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandu sistema tal-kummerċ online għalih u dan għaliex l-Unjoni Ewropea għad ma għandhiex sistema waħda li tapplika għal kull pajjiż, u dan jista’ jwassal għal żvantaġġ għal uħud għall-istati membri.
L-ewro-parlamentari Josianne Cutajar ukoll saħqet dwar l-importanza li intrapriżi Maltin u Ewropej jikkompetu f’suq li jkun aktar trasparenti u ġust. Cutajar, li kienet Rapporter fil-kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, spjegat dwar ir-responsabilità ċivili fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali filwaqt li anke l-aspett legali għandu wkoll jirifletti l-iżviluppi teknoloġiċi.