Il-baġit 2021 huwa l-aqwa baġit li qatt ġie mressaq fl-istorja ta’ pajjiżna. Baġit ta’ serħan il-moħħ, tama u kuraġġ li jħares lejn iċ-ċirkustanzi tal-preżent, iżda fuq kollox li jistrada t-triq għall-futur, għal tal-inqas l-10 snin li ġejjin. Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija.
Spjega kif dan kien baġit ieħor mingħajr taxxi u qed isir f’kuntest tal-ikbar kriżi dinjija mill-gwerra ‘l hawn. Pajjiżi oħra se jdaħħlu aktar taxxi biex jiffinanzjaw miżuri li daħlu biex jibqgħu fil-wiċċ. F’Malta tajna l-miżuri biex nibqgħu għaddejjin waqt dan iż-żmien u fil-baġit qed ngħinu aktar billi nagħtu aktar għajnuna lill-familji, billi ninċentivaw lin-negozju u t-tkabbir ekonomiku.
L-istqarrija tgħid li l-baġit ikkonferma r-ruħ soċjali tal-Gvern li jgħin lil dawk l-aktar li għandhom bżonn fosthom il-pensjonanti bis-sitt żieda konsekuttiva fil-pensjoni. Lill-familji li għandhom dħul baxx u medju permezz tat-tax refund, permezz tal-in-work benefit, permezz taż-żieda fiċ-children’s allowance u miżuri oħra intiżi biex jaġevolawhom.
“Iżda dan kien baġit li jgħin ukoll lin-negozji permess ta’ għadd ta’ skemi tal-Malta Enterprise, il-wage supplement, il-vawċers li se jgawdu minnhom ukoll il-Maltin u l-Għawdxin u anke inqas VAT għall-self-employed,” qal il-PL
Spjega kif wieħed irid isemmi wkoll l-investimenti fl-edukazzjoni u s-saħħa u l-imbutattura kbira lill-ekonomija ħadra u ċirkulari.
Temm billi qal li dan huwa baġit li jagħmilna kburin li aħna Maltin meta minkejja d-diffikultajiet li għaddejjha minnhom id-dinja, filwaqt li pajjiżi oħra se jdaħħlu miżuri ta’ awtserità, pajjiżna ta aktar minn €100miljun f’miżuri lill-familji Maltin u Għawdxin u n-negozji. Dan l-ewwel baġit tal-Prim Ministru Robert Abela jikkonferma kemm Malta tista’ tħares ‘il quddiem.