Notifiki

Żieda ta’ €700 fis-sussidju għall-anzjani li jimpjegaw persuna biex tieħu ħsiebhom id-dar

Il-Budget għas-sena d-dieħla ser jinkludi fih żieda ta’ €700 fir-rata massima ta’ sussidju annwali li qed jingħataw lill-anzjani li għażlu li jibqgħu jgħixu fi djarhom u jimpjegaw persuna full time jew part time biex tieħu ħsiebhom.  Dan ifisser li r-rata massima ta’ sussidju annwali li qed jingħataw l-anzjani ser tiżdied minn €5,291 għal €6,000.

Ser titwessa’ wkoll il-faxxa ta’ persuni li ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċju tal-carer. Dan hekk kif persuni rtirati li kienu jieħdu ħsieb lil qrabathom fl-istess residenza s’issa kienu esklużi milli jikkwalifikaw għal dawn il-benefiċċji magħrufa bħala l-‘Allowance Miżjuda għal Carer’ u l-‘Allowance għal Carer’. Il-budget għas-sena d-dieħla ser ikun qed iwessa’ il-kriterji tal-eliġibbilità biex dawn il-persuni ukoll jibbenefikaw sakemm ma jkunux qed jieħdu ħsieb lill-konjugi tagħhom. Dan filwaqt li rekwiżit ieħor ser ikun li joqogħdu għal eżami mediku biex jiġi aċċertat li jkunu jifilħu fiżikament u mentalment li jagħtu din il-kura.

Intant il-faxxa ta’ nies li jibbenefikaw minn għajnuna għal diżabilità severa ukoll ser tkun qed titwessa’. B’hekk aktar persuni li għandhom xi forma ta’ diżabilità u ma jistgħux jaħdmu ser isiru eliġibbli għall-assistenza miżjuda. Dan apparti li kif kien tħabbar f’budget preċedenti, il-Gvern se jibqa’ jagħti l-ekwivalenti tal-paga minima nazzjonali lil kull persuna b’diżabilità li ma tistax taħdem.

Il-budget għas-sena d-dieħla ser jara t-twettiq ta’ wiegħda oħra mill-programm elettorali, hekk kif minn Jannar ser ikun introdott benefiċċju ġdid għall-ġenituri li jkollhom jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb wild b’diżabilità fl-età ta’ aktar minn 16-il sena li jkunu intitolati għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabbilità Severa.  Dan il-benefiċċju bl-isem ta’ ‘Għotja għal Carer’ ser tkun ta’ €300 fis-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend