Illejla l-Gvern iressaq il-Budget għas-sena 2021 – One News

Notifiki

Illejla l-Gvern iressaq il-Budget għas-sena 2021

Illejla fil-Parlament, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed iressaq il-Budget għas-sena d-dieħla.

F’seduta parlamentari li tibda fis-6pm, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna se jaqra l-budget 2021. Huwa mistenni li jibda jaqra l-budget fis-6:30pm hekk kif l-ewwel nofs siegħa tas-seduta parlamentari se tkun iddedikata għall-mistoqsijiet parlamentari.

Qabel is-seduta parlamentari, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, akkumpanjat milll-Ispeaker Anġlu Farrugia se jmorru għand il-President tar-Repubblika George Vella biex il-Ministru jippreżenta kopja tad-dokument tal-budget.

Ix-xena tal-Ministru għall-Finanzi bil-bagalja tal-budget se ssir fil-palazz ta’ Sant’Anton.

Intant il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li n-nies se jirċievu t-tripplu ta’ dak li kienu jirċievu qabel f’buthom.

Robert Abela qal li l-budget b’ruħ soċjali se jkun wieħed tajjeb li mhux se jkun iffukat biss biex jilqa’ għall-pandemija iżda se jkun ibbażat fuq pjan kruċjali ta’ Malta għall-għaxar snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru stqarr li fejn qabel, il-Gvern kien iqassam mal-€35 miljun, bil-budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed jagħti lin-nies f’buthom €100 miljun.

Lejliet il-budget, il-Prim Ministru ħabbar li l-vouchers tal-mitt ewro li ta dan il-Gvern bħala parti mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika minħabba l-imxija, se jerġgħu jingħataw lill-poplu.

L-istazzjonijiet ONE kif ukoll one.com.mt se jkunu qed jagħtu l-aħħar dettalji fosthom miżuri u għadd ta’ reazzjonijiet mill-imsieħba soċjali b’rabta mal-Budget.

Programm iddedikat dwar il-Budget li jibda b’edizzjoni speċjali ta’ ‘Pjazza’ fl-4:15pm u programm speċjali ieħor wara l-bullettin tal-aħbarijiet se jżommkom ukoll aġġornat b’rabta mal-aħħar miżuri li jkunu għadhom kemm tħabbru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend