Notifiki

“Ilkoll għandna niġbdu ħabel wieħed” – Il-President George Vella

Fid-dawl tal-pandemija li qed tolqot lid-dinja kollha inkluż lill-pajjiżna, il-President George Vella qal li f’sitwazzjoni lkoll għandna niġbdu ħabel wieħed u rridu nagħtu l-kooperazzjoni sħiħa tagħna.

Fi stqarrija l-President qal li minkejja li wieħed jista’ jagħmel kritika kostruttiva u jirrikomanda prattiċi oħra, iżda xejn ma għandu jfixkel l-isforzi kollettivi li qed isiru fil-ġlieda kontra l-Covid-19.

Il-President Vella rrikonoxxa s-sagrifiċċji li qed isiru mill-poplu inġenerali billi jsegwi d-direttivi mogħtija mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Kif ukoll dawk li huma responsabbli li jħarsu s-saħħa pubblika u dawk li jieħdu ħsieb il-pazjenti milquta minn dan il-virus. Dr. Vella semma wkoll ix-xogħol siewi li jagħmlu l-carers fid-djar tal-anzjani u anke l-edukaturi.

Il-President Vella sellem il-memorja ta’ dawk li mietu bil-Coronavirus u esprima s-solidarjetà mal-qraba tagħhom.

Dr. Vella għamel kuraġġ lill-poplu biex flimkien inkomplu bil-ġlieda kontra l-imxija tal-Coronavirus. Il-President appella biex titħares is-saħħa mentali filwaqt li jkunu obduti d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Huwa wera x-xewqa li l-poplu Malti jibqa’ juri determinazzjoni f’din il-ġlieda kontra l-Covid-19. Dan anke billi jżomm f’moħħu li fi żmien li ġej hemm ċans li jasal vaċċin effettiv.

Il-President Vella awgura li l-awtoritajiet f’pajjiżna jirnexxilhom isibu dak il-bilanċ delikat li filwaqt li jħares saħħet il-poplu, fl-istess ħin jassigura wkoll it-tiġdid ekonomiku ta’ pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend